Il-Budget 2027 qed jagħti lil Għawdex l-akbar allokazzjoni finanzjarja li qatt ingħatat lill-gżira: €141 miljun, żieda ta’ aktar minn €19-il miljun fuq l-2026, ekwivalenti għal 15.7%.
Dan il-Budget huwa bla dubju wieħed li qiegħed ikompli jibni fuq il-ħidma li wettaqna matul dawn l-aħħar snin, iżda li jħares ukoll ’il quddiem, lejn Għawdex li rridu nkomplu niżviluppaw, nimmodernizzaw u nsaħħu, mingħajr ma nitilfu dak li jagħmilna uniċi.
Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħna hija l-konnettività bejn Għawdex u Malta.
Nafu li għal ħafna Għawdxin, il-vjaġġi bejn iż-żewġ gżejjer huma parti mill-ħajja ta’ kuljum. Għalhekk, irridu nkomplu naħdmu biex dan it-traġitt ikun aktar faċli, aktar aċċessibbli u aktar sostenibbli.
Fl-ewwel 100 Jum ta’ din il-leġiżlatura, bħala Ministeru għal Għawdex nedejna skema li permezz tagħha l-Għawdxin li jinqabdu Malta minħabba temp estrem, se jibdew jingħataw rifużjoni ta’ akkomodazzjoni b’mod permanenti. F’dak li għandu x’jaqsam mat-tisħiħ tal-konnettività se nkomplu naħdmu biex ntejbu u niffaċilitaw it-traġitt bejn iż-żewġ gżejjer, speċjalment għal Għawdxin.
Fl-aħħar xhur rajna passi ’l quddiem fit-tisħiħ tal-konnettività permezz tal-Fast Ferry bejn l-Imġarr Għawdex u l-Belt Valletta. Ma waqafniex hawn, saħħaħna l-iskeda tal-Fast Ferry b’aktar vjaġġi u żidna daħħalna wkoll servizz ġdid bejn l-Imġarr Għawdex, Buġibba u Tas-Sliema. Dan kollu kien game changer għall-gżira Għawdxija u rajna numri rekord ta’ wasliet, b’persuni li jagħmlu użu minn dan is-servizz bejn Għawdex u Malta.
Il-proċess tal-evalwazzjoni tat-tender tar-raba’ vapur li se jisostitwixxi n-Nikolaos qed joqrob lejn l-għeluq tiegħu. Dan filwaqt li sal-aħħar kwart ta’ din is-sena se jitnieda PQQ bħala parti mill-ħidma li qed issir biex jinbnew vapuri ġodda għall-Gozo Channel.
Il-ħidma tagħna se tiffoka wkoll dwar l-aspett tat-tisħiħ tal-infrastruttura. Għaldaqstant, se tkompli l-ħidma tat-Task Force li twaqqfet fil-bidu ta’ din is-sena (2026), li l-għan tagħha huwa li tevalwa l-istat attwali tal-Port tal-Imġarr u tressaq rakkomandazzjonijiet għal operat sostenibbli u soluzzjonijiet strateġiċi kemm għall-Port u kemm għal Għawdex. Sa issa, it-task force wettqet valutazzjoni strateġika preliminari u saru konsultazzjoni mal-istakeholders. Matul is-sena d-dieħla, huwa mistenni li jiġi ppreżentat pjan strateġiku fit-tul b’numru ta’ rakkomandazzjonijiet prattiċi biex il-Port tal-Imġarr jibqa’ jservi b’mod effiċjenti u sostenibbli lill-gżira Għawdxija.
Barra minn hekk, kif imwiegħed fil-manifest elettorali u kif tħabbar mill-Prim Ministru ftit jiem ilu, il-Maltin u l-Għawdxin li jużaw is-servizz tal-Gozo Channel bil-pass se jibdew jaqsmu b’xejn.
U f’dan il-kuntest, irridu nħarsu wkoll lejn il-kontribut li jagħtu l-viżitaturi lejn Għawdex. Il-bidla fil-prezz tal-biljetti għat-turisti li jaqsmu lejn Għawdex bil-Gozo Channel jew bil-fast ferry se tiżgura li, filwaqt li t-turiżmu jkompli jħalli kontribut pożittiv lill-ekonomija tal-gżira, il-viżitaturi jikkontribwixxu wkoll għall-impatt li l-attività tagħhom tħalli fuq l-infrastruttura. Dan huwa pass importanti għaliex dawn iż-żewġ servizzi diġà huma ssussidjati addizzjonalment mill-Gvern.
Għalhekk, irridu nżommu bilanċ bejn l-aċċessibbiltà, il-kompetittività turistika u s-sostenibbiltà tas-servizzi.
Sigurtà u reżiljenza fil-provvista tal-elettriku
Il-konnettività ma tiqafx mal-baħar. Għawdex jeħtieġ ukoll provvista tal-elettriku sigura u affidabbli.
Il-pjan tal-Enemalta jinkludi l-bini ta’ 15-il ċentru ġdid tad-distribuzzjoni madwar Malta u Għawdex. Barra minn hekk, fi żmien qasir se nqiegħdu żewġ cables ta’ 33kV bejn Malta u Għawdex, u wara se jkun hemm l-interconnector ta’ 132kV.
Dawn l-investimenti se jsaħħu s-sigurtà u r-reżiljenza tal-provvista tal-elettriku f’Għawdex u jgħinu biex il-gżira tkun aktar preparata għall-ħtiġijiet tal-futur.
Investiment fl-ambjent u fl-ispazji pubbliċi
Għawdex għandu jkun post fejn l-iżvilupp jimxi id f’id mal-ħarsien tal-ambjent u mal-kwalità tal-ħajja.
Għalhekk, se nkomplu ninvestu fir-riġenerazzjoni tal-pjazez u ċ-ċentri tal-irħula, fil-ħolqien ta’ spazji miftuħa u fit-tisħiħ tal-infrastruttura ekoloġika.
Proġett ewlieni huwa l-Victoria Park fir-Rabat, li se jkun l-akbar spazju miftuħ f’żona urbana f’Għawdex. Matul is-sena d-dieħla mistennija jinkisbu l-permessi meħtieġa biex ikunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet relatati mal-park u mal-faċilità ta’ parkeġġ taħt l-art.
Se nibdew ukoll żewġ proġetti importanti oħra fir-Rabat: ir-riġenerazzjoni tal-playing field, biex noħolqu spazju rikreattiv aktar modern u aċċessibbli għall-familji u t-tfal, u l-immodernizzar tat-terminal prinċipali tal-karozzi tal-linja. Dan tal-aħħar se jinkludi infrastruttura għall-karozzi tal-linja elettriċi, faċilitajiet addizzjonali għall-iċċarġjar u titjib fil-venda u fiż-żoni ta’ madwarha.
Irridu nwettqu wkoll il-Proġett tal-Pjazza tal-Assedju fil-Belt Victoria. Din iż-żona, mifruxa fuq medda ta’ 3,100 metru kwadru għandha potenzjal li taqdi funzjoni ferm akbar minn dik tal-lum fejn preżentement qed tintuża bħala parkeġġ. Permezz tal-proposta ta’ parkeġġ fuq diversi livelli u spazju aħdar fuq, nemmnu li nkunu qed nimmassimizzaw dan is-sit filwaqt li nindirizzaw bosta sfidi preżenti fil-Belt Victoria.
Se nkomplu wkoll inħarsu l-pajsaġġ rurali Għawdxi. Matul is-sena li ġejja se nniedu skema ġdida biex inħeġġu lis-sidien tal-art u lill-bdiewa Għawdxin jissieħbu fit-tħawwil ta’ siġar indiġeni tul arterji ewlenin tat-toroq. Inizjalment, din l-inizjattiva se tiffoka fuq it-triq ta’ bejn ir-Rabat u Marsalforn, bil-għan li eventwalment din l-inizjattiva titwessa’ gradwalment għal lokalitajiet oħra madwar Għawdex.
Irrid hawn infakkar li fl-ewwel 100 Jum ta’ din il-leġiżlatura inawgurajna wkoll il-proġett ta’ afforestazzjoni fuq l-Għolja tal-Għammar, li fih tħawlu 900 siġra fuq aktar minn 8,000 metru kwadru. M’aħniex se nieqfu hawn, se nkomplu b’inizjattivi oħra, fosthom il-proġett tal-Ulysses Grove fix-Xewkija u xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbieħ f’ġonna madwar Għawdex.
Infrastruttura u mobilità sostenibbli
L-infrastruttura tibqa’ waħda mill-prijoritajiet tagħna.
F’dan il-Budget, l-allokazzjoni għat-toroq arterjali u residenzjali f’Għawdex laħqet l-€10 miljun, bħala parti mill-programm ambizzjuż sabiex inkomplu għaddejjin bil-proġett ta’ 100 triq residenzjali ġdida f’Għawdex fi tliet snin.
Dan mhux biss se jtejjeb il-konnettività u s-sigurtà fit-toroq tagħna, iżda se joħloq ukoll opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-gżira.
Għalhekk, filwaqt li se nkomplu bl-implimentazzjoni tal-programm ta’ bini mill-ġdid ta’ 100 triq residenzjali, se tkompli wkoll il-ħidma fuq toroq arterjali importanti, fosthom it-triq bejn ir-Rabat u Marsalforn, kif ukoll toroq fin-Nadur u l-Qala.
Se nkomplu ntejbu wkoll is-servizzi tal-Park and Ride f’Ta’ Xħajma. Wara li beda s-servizz bejn Ta’ Xħajma u l-Port tal-Imġarr, se naħdmu biex jiġu introdotti rotot ġodda bejn Ta’ Xħajma u ċ-ċentru tar-Rabat, kif ukoll rotot staġjonali minn Marsalforn u x-Xlendi matul is-sajf.
Dawn l-inizjattivi għandhom l-għan li jnaqqsu l-pressjoni tat-traffiku u jħeġġu aktar użu tat-trasport kollettiv.
