Waqt li llejla l-Parlament beda jiddiskuti l-mozzjoni mressqa mill-Gvern biex tikkundanna l-aġir fil-konfront tal-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Prim Ministru Dr Robert Abela fid-diskors tiegġu qal li “ftit sigħat ilu waslitilna informazzjoni mill-qalba tal-PN li tant kien hemm ġlied intern fi ħdan il-Grupp Parlamentari li saħansitra lanqas kienu kapaċi jieħdu pożizzjoni dwar il-vot tal-lejla. Fil-fatt dwar dak li qed ngħid hemm rapportaġġ li ftit tas-sigħat ilu tella’ artiklu f’dan is-sena u dak irraportat rajnieh iseħħ.”
Il-Prim Ministru qal li l-unika kompress li kienu kapaċi jaslu għalih kien li jitilqu ‘l barra mill-Kamra għax meta kien se jasal il-ħin tal-vot kien hemm numru ta’ Deputati li ma ridux jivvotaw mal-bqija tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
“Min-naħa l-oħra jakkużaw lil din in-naħa tal-Kamra b’ċensura meta kellhom l-aqwa opportunità biex quddiem il-poplu jitkellmu u jagħtu spjegazzjoni dwar il-kliem li qal Karol Aquilina fil-konfront tal-Ispeaker… iżda minflok telqu ‘l barra mill-Kamra,” sostna l-Prim Ministru Abela, filwaqt li qal li “litteralment Kap tal-Oppożizzjoni, partit fl-Oppożizzjoni li huma maħkuma mill-Kap de facto Karol Aquilina”.
Il-kelliem beda d-diskors tiegħu billi rringrazzjoni u għadda messaġġ ta’ solidarjetà lejn l-Ispeaker Dr Anġlu Farrugia. “Magħruf għar-rettezza, għall-integrità u għad-dedikazzjoni tiegħu, għall-mod dekoruż li bih ilu f’dawn l-aħħar snin jġib ruħu f’din il-kariga, kemm fil-kamra u anke barra,” kompla jgħid Dr Abela fil-Parlament.
Hu fakkar x’kien ġara fl-ewwel seduta ta’ din il-leġislatura f’April tal-2022. Il-PN kien għadu kemm ħareġ mill-akbar telfa elettorali fl-istorja u l-ewwel vot li kien hemm fil-Kamra kien dwar il-ħatra tal-Ispeaker. Dakinhar, l-Oppożizzjoni kienet ivvotat kontra l-ħatra ta’ Dr Anġlu Farrugia biex jerġa’ jservi Speaker tal-Kamra.
Fakkar ukoll li f’din il-leġiżlautra s-Sedja tat 67 ruling u l-Oppożizzjoni ma kkontesta l-ebda wieħed minnhom.
“Rajna fl-aħħar ġimgħat li l-livell ta’ insulti eċċeda kull limitu ta’ dak li huwa tollerabbli. L-agħar frażi li smajna kienet li jakkuża lis-Sedja “niddubita kemm taħseb”. Li nista’ ngħid fuq is-Sedja huwa li ma jgħaddilix il-ħsibijiet malinni li jgħaddu minn moħħ uħud il-membri tan-naħa l-oħra,” kompla jgħid il-Prim Ministru Abela.
Kien hawn li l-kelliem staqsa min hu l-veru Kap tal-Oppożizzjoni. “Illum naf li hemm membri tan-naħa l-oħra li fl-aħħar sigħat kienu voċifieri li llejla jekk kien se jittieħed vot ma kienux lesti li jappoġġjaw lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. Sabu din is-soluzzjoni u telqu ‘l barra mill-Kamra.”
Temm jgħid li l-akbar problema li għandha l-Oppożizzjoni hi li hija mexxija minn salt kaptana u għandek bastiment filli miexi north, south west…
Kompla jgħid li dan kollu li qiegħed jiġri “jġibni għal konklużjoni li din in-naħa tibqa’ l-unika moviment li kapaċi tmexxi lil dan il-pajjiż ‘il quddiem. Din il-politika ta’ kativerja, ta’ mibegħda, ta’ attakki personali, ta’ insulti lejn in-nies mhux dak li nemmnu fih aħna. “Aħna nemmnu fil-ġid soċjali f’dan il-pajjiż, fl-investiment li qed nagħmlu fis-saħħa, fis-soċjal, fl-edukazzjoni u billi nżommu l-kontijiet tad-dawl baxxi…”
Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu billi mill-ġdid wera solidarjeta sħiħa mal-Ispeaker Anġlu Farrugia u awguralu li jibqa’ għaddej ‘il quddiem bil-ħidma tajba tiegħu.