Il-General Workers’ Union tfaħħar l-inizjattiva tal-Gvern dwar il-politika tax-xogħol li biha se jibdel il-mod kif ħaddiema minn pajjiżi terzi jiġu f’Malta, it-tnedija tal-Labour Migration Policy.
Riforma proposta li se tħares lejn erba’ prinċipji fundamentali fil-qasam tax-xogħol, li huma l-istabilità fis-suq tax-xogħol, id-drittijiet tal-ħaddiema, li jiġu f’Malta ħaddiema fejn hemm bżonn u l-ħiliet tal-ħaddiema.
Bħala trejd unjin li l-iskop ewlieni tagħha huwa l-ħaddiem, il-GWU ilha tipproponi u tisħaq li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinqatgħu l-abbużi relatati mad-dinja tax-xogħol f’pajjiżna filwaqt li jiġu garantiti dħul diċenti u kundizzjonijiet xierqa. Apparti li għandhom jinġiebu ħaddiema skont il-ħtieġa u l-ħiliet tagħhom.
Fid-dokument bi 32 rakkomandazzjoni li bħalissa jinsab għall-konsultazzjoni pubblika, jinsabu miżuri li se jibdew jittieħdu b’aktar viġilanza favur il-ħaddiem u kontra l-abbuż, oħrajn dwar il-ħiliet tal-ħaddiema.
“B’aktar ħidma u attenzjoni u fuq kollox viġilanza se jiġi assigurat li fil-pajjiż jiġi biss min verament hu meħtieġ. Minbarra hekk, tajjeb li l-ewwel u qabel kollox jingħata ċans lill-persuni Maltin u Għawdxin qabel ma jintalbu ħaddiema minn barra.Filwaqt li jinqatgħu l-abbużi fejn jidħlu drittijiet tal-ħaddiema fosthom pagi, allowances, ħinijiet tax-xogħol.
“L-ekonomija f’pajjiżna tinsab miexja tajjeb ħafna, u jeħtieġ li nżommu l-livell. Għalhekk kien pass meħtieġ li jittieħed mill-Gvern biex jibdel il-mod kif qed jiġu l-ħaddiema minn pajjiżi terzi f’Malta,” qal is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja.
Żied jgħid li l-GWU diġà kellha laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-Ministru Byron Camilleri dwar l-ewwel proposti li ġew inklużi fid-dokument. Huwa kompla jgħid li l-ħaddiema barranin f’pajjiżna huma siewja u jeħtieġ li jibqgħu biex inżommu l-istil ta’ ekonomija b’saħħitha. Madankollu tajjeb li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għal aktar kontroll. Filwaqt li dawk li jagħżlu li jiġu f’pajjiżna jeħtieġ li jintegraw u jieħd t-taħriġ meħtieġ biex jadattaw għas-soċjetà tagħna.
“Sid ma jistax joqgħod ikeċċi lill-ħaddiema bl-addoċċ u jibdel skont kif jaqbillu, b’rasu mistrieħa li jaf li jista’ jġib aktar ħaddiema. Naqblu perfettament li fost il-miżuri proposti tissemma’ dik li se jibdew ikun limitati l-permessi lin-negozji li jitolbu ferm aktar ħaddiema milli jkollhom bżonn. Niltaqgħu ma’ diversi każi ta’ sfruttament fuq ħaddiema barranin f’pajjiżna. Mhuwiex denju li bniedem tużah u tarmih skont l-esiġenzi tiegħek. Għalhekk se naħdmu bis-sħiħ id f’id mal-Gvern biex din il-politika tax-xogħol tirnexxi,” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali.