Thursday, December 19, 2024

“Laħaq ġiżżejt 65 nagħġa bil-ġelem… m’għadekx tista’ tgħix minnhom illum”

Joe Muscat - Raħħal Tradizzjonali

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Illum jien ngħodd 78 sena, Jekk Alla jrid daqt 79. Għadni kif tajt togħma tax-xogħol tal-idejn meta qarwiżt nagħġa bil-ġelem u f’din l-età kważi laħħaqt mal-ġuvnott li għadu ħalib ħdejja. Għalkemm ma konniex f’kompetizzjoni tajjeb li għal dawk li ma jafux jifhmu li n-nagħġa li qarwiżt jien ma kinitx għall-wirja u b’hekk ma kinitx maħsula. In-nagħġa li qarweż bil-magna, dik kienet maħsula u kellha inqas suf ukoll. 

Niftakar meta kelli 17-il sena, kont mort għand wieħed biex nġiżżlu n-nagħaġ. Konna ftehemna li kellu forsi għaxar nagħġiet. Mort u sibt merħla nagħaġ kemm tagħtik il-vista t’għajnejk. Qatt ma kont xi wieħed li naqta’ qalbi u għalkemm ħakkejt daqsxejn rasi, xammart il-kmiem u qbadt inġiżż. Tista’ timmaġina kif ħdimt. Nqaxxar u nwarrab is-suf u nħalli f’idejn l-immaġinazzjoni tagħkom biex tpenġu f’moħħkom kemm kelli suf maġenbi kif qarwiżthom kollha. Ilu ħafna, imma niftakar qisu lbieraħ li mis-7.30 a.m sas-1.30 p.m irnexxieli nqarwiżlu 65 nagħġa. Mhux ċajta u l-idejn veru kienu għadhom sodi imma 65 waħda ngħidlek li fihom ta.

Laħaq kelli merħla ta’ 90 imma llum nżomm 35 bis-saħħa tat-tfal. Jiġu b’rispett tiegħi għax illum ma tistax tgħix minn dan ix-xogħol. Minbarra t-tbatija kbira u r-rabta tiegħu għandek il-qliegħ dejjem nieżel. Il-ġwież spara ‘l fuq fil-prezz u l-bhejjem fihom intrigu kbir biex iżżommhom. Barra minn hekk, illum tista’ taħdem xogħol nadif u mingħajr din it-tbatija. 

Nixtieq ngħidha mod ieħor imma nifhem ukoll li l-impjiegi tal-lum jirrikjedu ħafna sigħat u biex persuna żżomm dawn il-bhejjem delizzju titkisser. Sfortunatament dan se jwassalna għal futur ikrah f’dan is-settur li tant inħobb.

Ħafna jiskantaw meta jarawni bil-merħla fl-inħawi ta’ Ħad-Dingli. F’sens tajjeb jitpaxxew, jien se nibqa’ nagħtihom dan il-gost sakemm jagħtuni saqajja, imma ma nemminx li se jibqa’ min joħroġ bil-merħla jirgħa aktar ’il quddiem.”

Ekonomija

Sport