“Sakemm ikun għad hemm persuna queer waħda biss li qed tesperjenza oppressjoni, li tibża’ turi l-veru tagħha u tkun min hi tassew, il-Pride jibqa’ ħaj u meħtieġ.”
Hekk stqarr magħna Eman Borg, il-fundatur ta’ LGBTI+ Gozo f’intervista ma dan il-ġurnal. Matul l-intervista stajna nindunaw li Eman joħroġ barra mit-triq tiegħu biex jgħin lil kulħadd, b’mod partikolari lil dawk kollha li kif stqarr hu stess qegħdin jesperjenzaw oppressjoni u biża’ minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom.
Kien fl-2015 meta Eman flimkien ma’ oħra kien waqqaf LGBTI+ Gozo. Wieħed irid jinnota l-kuraġġ li kellu dan il-ġuvni mir-Rabat Għawdex biex 11-il sena ilu rnexxielu jorganizza u jlaqqa’ diversi persuni flimkien biex tibda ħdima favur persuni omosesswali f’Għawdex – komunità dak iż-żmien kienet għadha żgħira.
Borg ma’ dan il-ġurnal jgħid li “matul is-snin, l-organizzazzjoni żviluppat f’entità aktar organizzata u strutturata; dan fih innifsu huwa xhieda tal-ħtieġa għall-eżistenza tagħha. Ħdax-il sena wara, dik il-ħtieġa għadha rilevanti.”
Nistqsu lil Borg dwar l-ewwel Pride li saret f’Għawdex u hawn hu jgħid li din saret l-ewwel darba fl-2022… “fid-dell tal-EuroPride tal-2023.”
“Għalija, l-ewwel Pride f’Għawdex żgur li kien wieħed mill-isbaħ u wieħed mill-aktar mumenti sinifikanti ta’ ħajti s’issa. Kien il-qofol tal-ħidma li kienet saret fis-snin ta’ qabel; kien xhieda tar-rilevanza tal-ħidma tal-organizzazzjoni u tal-ħtieġa li l-Pride jkun jista’ jeżisti mingħajr ma jitlob permess,” jgħidilna Borg.
“Niftakar li konna qed nantiċipaw li jattendu madwar 50 persuna; attendew 300. Dak il-jum kien wirja ta’ mħabba u ta’ kburija; kienet Pride organika u awtentika, kif għandu jkun kull Pride,” ikompli jtenni Borg b’ċertu nostalġija u mħabba lejn din il-komunità.
Nistaqsi lil Eman dwar is-sitwazzjoni f’Għawdex illum 11-il sena wara li waqqfet LGBTI+ Gozo. “Jekk tistaqsini jekk ir-realtà tal-persuni queer hux aħjar illum milli kienet għaxar snin ilu, ngħid li wieħed jittama li iva, u li l-organizzazzjoni qed iġġib magħha bidla pożittiva. Iżda s-suċċess ta’ LGBTI+ Gozo ma jitkejjilx permezz ta’ stħarriġ, iżda mill-fatt li, jekk u meta xi ħadd ikun bżonn, bżonn spazju sigur, ikun jista’ jsib dak l-ispazju permezz ta’ LGBTI+ Gozo,” itemm jgħidilna Eman Borg.
Intant, fil-5 ta’ Settembru mill-10.30 a.m. sas-1.00 pm jkun hemm il-morning pride village filwaqt li imbagħad għall-ħabta tas-6.30 p.m. jibda Gozo Pride Marc minn Pjazza Indipendenza.


