Fil-jiem li għaddew ittellgħet laqgħa informali organizzata mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali sabiex tlaqqa’ lill-kunsilliera eletti minn madwar Malta u Għawdex li huma responsabbli mill-ħarsien tal-annimali fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.
F’din il-laqgħa, indirizzata mid-Direttur tat-Direttorat għar-Trattament Xieraq tal-Annimali Joseph John Vella, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-drittijiet tal-annimali Alicia Bugeja Said, issemmew numru ta’ inizjattivi implimentati mid-Direttorat li ġew fis-seħħ fl-aħħar ġimgħat u xhur.
Fost dawn l-inizjattivi nsibu l-kampanja għat-tiswija tal-annimali (neutering), l-iskema tal-tmiegħ tal-qtates stray (cat feeders’ scheme), u anki l-introduzzjoni tal-leġislazzjonijiet ġodda bħal ma huma tal-Pet Groomers, Sitters/Boarders.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said tennet l-importanza ta’ laqgħat simili fejn fihom tingħata l-informazzjoni meħtieġa lill-kunsilli lokali sabiex iwasslu l-messaġġ tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali.
“Aħna kollha għandna għan wieħed, li nħarsu mill-aħjar li nistgħu lill-annimali tagħna. Għalhekk din il-kollaborazzjoni bejn l-Animal Welfare u l-Kunsilli Lokali hija essenzjali sabiex nilħqu aktar nies fil-lokalitajiet, biex finalment inkunu nistgħu ngħinu aktar lill-annimali tagħna,” qalet Bugeja Said.
Hija saħqet kemm huwa importanti bħala Gvern li nisimgħu lill-kunsilliera li huma l-vuċi tar-residenti tagħhom biex b’hekk jiġu implimentati aktar prattiċi favur l-annimali skont il-proposti mressqa.
Is-Segretarju Parlamentari għalqet l-intervent tagħha billi rringrazzjat lill-kunsilliera preżenti tal-preżenza tagħhom, filwaqt li awguratilhom għall-fiduċja li għadhom kif ingħataw mill-poplu biex jaħdmu favur il-lokalità tagħhom, u favur l-annimali.
Id-Direttur Joseph John Vella ħabbar kif il-kampanja tat-tiswija tal-qtates stray b’xejn baqgħet fis-seħħ, bid-differenza ta’ bdil tal-klinika li tipprovdi dan is-servizz. Huwa informal il dawk preżenti li nbidlet il-klinika li se tkun qiegħda topera t-tiswijiet ta’ qtates stray, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ tiswija ta’ klieb tar-razza bully u tal-irziezet.
Joseph John daħal ukoll fid-dettal dwar l-iskema tat-tmiegħ tal-qtates stray (cat feeders’ scheme) li tista’ sseħħ permezz tal-għajnuna tal-Kunsilli Lokali. Kull cat feeder huwa mitlub jirreġistra mal-kunsill lokali tal-lokalità tiegħu ħalli jkun jista’ jirċievi l-għajnuna finanzjarja f’forma ta’ vouchers għal ikel niexef (dry food) li bihom jista’ jitma’ lill-qtates stray.
Kull kunsill lokali se jkun qed jirċievi madwar €5,000 f’vouchers skont kemm għandhom cat feeders irreġistrati. Persuni li jitimgħu qtates stray għandhom iċ-ċans jirreġistraw mal-kunsilli lokali rispettiv tagħhom sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju.
F’każ ta’ abbuż fuq annimali, wieħed mitlub iċempel 1717. Għal aktar informazzjoni dwar tiswija ta’ qtates stray wieħed jista’ jċempel fuq 22924999 jew email fuq [email protected].