Mhux b’kumbinazzjoni li fl-ewwel jum tal-kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali ta’ nhar is-26 ta’ Marzu, il-Partit Laburista ħabbar pjan ta’ investiment ta’ €700 miljun fuq firxa ta’ seba’ snin biex isiru proġetti ta’ spazji ħodor madwar Malta u Għawdex.
L-ewwel jum tal-kampanja elettorali. L-ewwel prijorità. Dan għaliex l-ambjent huwa prijorità għalina. Din hija xhieda tar-rieda li għandna biex it-titjib fil-kwalità ta’ għajxien tkun fiċ-ċentru ta’ ħidmiet Gvern Laburista ġdid.
Flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Aaron Farrugia, ħabbarna numru ta’ proġetti li rridu nwettqu biex insebbħu l-ibliet u l-irħula tagħna. Gvern Laburista, jekk terġgħu ttuna l-fiduċja tagħkom, se jinvesti fl-ikbar proġett ambjentali u ambizzjuż fl-istorja tal-pajjiż. U dan ser isir b’aktar parks pubbliċi, fost l-akbar proġetti ta’ urban greening li qatt ra pajjiżna, żoni pedonali f’kull lokal, tunnels għat-traffiku fejn ikun possibbli, spazji ħodor miftuħa u iktar parkeġġ taħt l-art bil-ħolqien ta’ ġonna fuqhom.
Dan qed nagħmluh għax verament nemmnu fi kwalità ta’ ħajja aħjar li toffri liċ-ċittadini spazji ta’ rikreazzjoni fil-lokalità tagħhom stess. Dan diġà bdejna nagħmluh permezz ta’ Parks Malta u proġetti li ħabbarna tul din is-sena bħal ġnien f’Santa Luċija, il-Bee Garden f’San Ġwann, Ġnien l-Indipendenza f’Birżebbuġa u l-ewwel ġnien carbon neutral fil-Kalkara, fost oħrajn.
Mal-pjan ta’ €700 miljun fuq seba’ snin qed naraw firxa aktar usa’ ta’ spazji bħal dawn, fosthom park ġdid ta’ 60,000 metru kwadru f’Bengħajsa għall-familji; l-estensjoni tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar b’investiment ta’ €20 miljun f’afforestazzjoni; proġett ta’ spazju ġdid ġewwa l-Imqabba u l-ewwel park ġeoloġiku bejn Għar Lapsi u Wied iż-Żurrieq, fost l-oħrajn.
Qed inwegħdu li fil-Kottonera, bejn Bormla u l-Isla, dak li llum huwa parkeġġ u li sa ftit ilu kien ippjanat li jiġi trasformat f’dormitorju għall-Università Amerikana f’Malta, jinbidel f’park għar-residenti tal-madwar. Biex ma jintilef l-ebda spazju ta’ parkeġġ, se nagħmlu parkeġġ taħt l-art.
Fil-Ħamrun qed nipproponu fejn il-illum hemm il-fabbrika tal-ħalib, tinbidel fi spazju miftuħ aħdar għall-familji. Dan l-ispazju ser jinkludi parkeġġ taħt l-art għar-residenti tal-madwar u ġnien ta’ madwar għaxar tomniet t’art. L-impjant tal-ħalib ser jiġi rilokat għal sit industrijali.
Fil-qalba ta’ San Ġwann, lokalità oħra urbanizzata, ser noħolqu spazju ieħor għall-familji. Wara li ġie approvat il-permess għall-ġnien Karin Grech, qed naraw li dan jiġi estiż u ssir pjazza u spazju pubbliku aħdar. It-traffiku ser jgħaddi minn mina u jsir parkeġġ taħt l-art li jipprovdi d-doppju tal-ispazju għall-parkeġġ fl-inħawi. Dan il-proġett ser jingħaqad ma’ ġnien ieħor li qed naħdmu fuqu ħdejn il-Kappella tal-Prepostu.
Fl-akbar lokalità tal-pajjiż, fi Triq il-Qasab f’Birkirkara, ser insaqqfu minn fejn jgħaddi l-ilma, biex fuqu jsir spazju aħdar għall-familji. Dan fl-istess waqt li tlestew l-istudji neċessarji biex tissaqqaf il-mina ta’ Santa Venera, liema proġett għandu jagħti lura lill-familji Vendriżi seba’ tomniet art fi spazju miftuħ.
Qed naħdmu biex Triq Sant’Anna, fil-Furjana, tinbidel f’żona pedonali, bit-traffiku jgħaddi kollu minn taħt l-art ħalli l-familji u t-turisti jkunu jistgħu jgawdu l-isbuħija arkitettonika ta’ din it-triq.
Ma nsejniex lil Għawdex. Fir-Rabat, Għawdex qed nipproponu proġett ambizzjuż biswit il-venda tal-karozzi tal-linja. Dak li sal-lum huwa proġett tat-tarmak ser jinbidel f’park għall-familji bi ground tal-futbol u parkeġġ taħt l-art. User jingħaqad mal-ġnien ta’ Villa Rundle u l-bandli preżenti.
Dawn huma pulmuni ġodda. Proġetti li ser ibiddlu wiċċ pajjiżna. Spazji ġodda li jagħtu ħajja ta’ kwalità aħjar. Għandna d-determinazzjoni u l-kredibilità li nwettqu dawn il-proġetti u nġibu bidla pożittiva għal Maltin u l-Għawdxin kollha.