Saturday, January 4, 2025

LEJN PAJJIŻ TA’ KWALITÀ TA’ ĦAJJA AĦJAR

Aqra wkoll

Il-Gvern ippreżenta l-proċess li se jwassal għall-viżjoni għal Malta sal-2050 bil-għan li pajjiżna jilqa’ għall-isfidi u l-opportunitajiet tas-seklu 21. Materja li l-General Workers’ Union lura fl-2008 kienet ipproponiet li tibda ssir ħidma fuq l-ekonomija, l-ambjent, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-qasam soċjali u t-trasport fost oħrajn.

Il-GWU kienet u baqgħet tinsisti li l-pajjiż jeħtieġ ikollu proċess kontinwu li jrid jitwettaq gradwalment u bi pjan biex jittieħdu ċerti azzjonijiet meħtieġa u nkomplu nilħqu l-miri tagħna. Hekk kif it-tkabbir bla preċedent tal-ekonomija nazzjonali fl-aħħar għaxar snin wassal għal numru ta’ benefiċċji, iżda wkoll numru ta’ sfidi u problemi.

Kienet hi li saħqet ħafna li l-idea li s-suq jikkoreġi lilu nnifsu hija insostenibbli u li jinħass il-bżonn li jitwettqu ċerti azzjonijiet biex naffaċċjaw il-problemi u jintlaħqu l-miri meħtieġa.

Dan kollu kien rifless fil-messaġġ li għamel għas-sena l-ġdida l-President tal-GWU, Victor Carachi li fisser kif permezz ta’ din il-viżjoni ħolisitika u pjan strateġiku, l-ekonomija ta’ pajjiżna se tkompli titjieb.

Dan kollu huwa essezjali jekk mhux ukoll kruċjali sabiex ma jonqosx l-introjtu f’pajjiżna li permezz t’hekk l-ekonomija tibqa’ tiġġenera l-ġid għal kulħadd.

Issa li dħalna fis-sena 2025, nenfasizzaw li fix-xhur li ġejjin għandna lkoll flimkien, mill-kbir saż-żgħir, mill-ogħla awtoritajiet sal-inqas wieħed fostna, li ningħaqdu flimkien u niffokaw fuq il-viżjoni li Malta qed taħdem fuqha, viżjoni ġdida għal Malta – Kwalità Malta 2050. Nippjanaw miri speċifiċi li jiġu implimentati pass pass, għal kwalità ta’ ħajja aħjar minn kull aspett.

Għalhekk, permezz ta’ viżjoni ħolistika u pjan strateġiku jeħtieġ li ssir ħidma konġunta biex permezz tas-sħab soċjali, fosthom il-GWU, il-gvern u l-oppożizzjoni u diversi esperti fil-qasam jintlaħqu l-miri meħtieġa biex Malta tkompli televa ruħha u tkun l-aħjar fl-Ewropa.

Dan kollu jitlob impenn minna lkoll biex flimkien inxammru l-kmiem u naħdmu b’ko-ordinazzjoni fil-proċess tal-Viżjoni Malta 2050 biex b’dixxiplina u perseveranza minn kulħadd, bħala nazzjon, inkomplu nevolvu u nadattaw għall-isfidi u l-opportunitajiet għal Malta aħjar, għal uliedna u ulied uliedna.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport