Friday, February 28, 2025

Li jkollok sport u jżommok ‘il bogħod minn kull vizzju, huwa ta’ ġid għaż-żgħażagħ tagħna – Aaron Busuttil

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn is-snooker?

Missieri kien dilettant tal-logħba u mill-ewwel darba li kien ħadni miegħu narah jittrenja, din il-logħba ispiratni. Kelli madwar 11-il sena fejn, għalkemm ma kinux iħalluni nilgħab peressli kont ta’ etá hekk żgħira, l-hena tiegħi kienet li almenu insegwiha. Illum il-ġurnata nirrealizza kemm kienet ħasra li għal dak iż-żmien ġo xi każin, tifel ta’ etá hekk żgħira ma tantx kien jitħalla kemm fil-każin u wisq inqas jilgħab l-isnooker. Naturalment post it-tfal m’huwiex ġol-każini imma għal dak iż-żmien li kien jimpurtani kien biss kemm inħobb din il-loghba u li nitħalla nilgħab.  Peró, l-imħabba tiegħi lejn il-logħba xorta kibret iktar ma beda jgħaddi ż-żmien.

Kif irnexxielek tiżviluppa l-ħiliet tiegħek f’dan l-isport illi tant tħobb?

Minn dejjem segwejt l-aħjar plejers fid-dinja u fejn stajt dejjem avviċinajt kowċis u fittixt l-aħjar pariri. Sifirt ħafna drabi, għamiltha u ttrenjajt mal-aqwa plejers u stħarriġt kemm stajt mingħandhom. Dejjem tgħallimt xi ħaġa kull fejn mort. L-ambizzjoni tiegħi għal-logħba dejjem kienet li nasal fl-aħjar livell personali. L-importanti dejjem kien li l-plejer li nkun għada jkun aħjar minn dak li jien illum. Qatt ma ridt insir aħjar minn xi plejer partikolari. Il-motivazzjoni tiegħi dejjem ibbażajtha u għadni nibbażaha li nkun aħjar milli jien bħalissa. F’din il-logħba, irid ikollok it-talent, peró, madankollu d-dedikazzjoni hija importanti ħafna għax it-talent waħdu mhux biżżejjed.

Int darbtejn Champion tal-Isnooker ta’ Malta. Kemm kienu differenti minn xulxin dawn l-unuri ferm prestiġjużi li int irbaħt?

L-ewwel unur kien imprezzabbli speċjalment wara erba’ darbiet titlef finali, din kienet xi ħaġa kbira. Nasal ngħid li t-tieni darba li rbaħt kienet iktar sodisfaċenti mill-ewwel rebħa tiegħi. Naħseb li t-tieni darba tkun aktar kunfidenti fik innifsek, iktar tieħu pjaċir tilgħab u ċerta pressjoni tikkontrollaha iktar. Ikollok inqas biża’ mill-ewwel darba, tkun taf x’int tagħmel u din taħdem favurik.

It-tieni unur aqwa mill-ewwel wieħed narah għax nerġa’ ngħid fit-tieni esperjenza dejjem inkun aħjar b’aktar esperjenza. Aktar minn hekk meta int tikkompeti f’finali dejjem tkun trid tirbaħ u ma tkunx kuntent. Bl-Ingliż ngħidu Winning Breeds Winning. Illum se nilgħab ranking final fejn din timmarka s-sitt finali konsekuttiva f’dawn l-aħħar sentejn. Jien dejjem kont preżenti f’dan iż-żmien u din turi konsistenza min-naħa tiegħi. Ir-riżultati ma jigdbux u dan kollu jimlini b’sodisfazzjon kbir. Se nilgħab kontra Brian Cini, plejer ieħor tajjeb. Bħalissa nħossni aħjar minn qatt qabel u nixtieq nuri aktar il-potenzjal tiegħi.

Bħalissa qed insiefer kull xahar, dejjem nipprova nfittex sponsor għax mhux faċli. Jien nixtieq naqleb professjonali u nħares ‘il quddiem lejn aktar mumenti sbieħ.

Għadni kemm lestejt il-qtours fejn temmejt fit-22 post, u nqast milli nikseb post fil-play-offs għal ftit postijiet.

Hemm xi logħba li tibqa’ tiftakar aktar minn oħrajn li lgħabt fiha u rbaħt?

Logħob li niftakar hemm diversi. Minbarra l-finali li rbaħt kontra Brian Cini, fix-xhur li għaddew, biex erġajt sirt Champion ta’ Malta, niftakar meta rbaħt kontra Jamie Clarke fejn kont ninsab 3-0 minn taħt u ridt maskla biex nirbah dak il-frame. Irnexxieli ndawwar ir-riżultat u nirbaħ 4-3 fejn fl-aħħar frame, erġajt ridt żewġ maskli. Riċentement, sifirt l-Ingilterra, Reading, fejn hemmhekk ħadt sehem fil-Legends shootout fejn irnexxieli nirbaħ l-ewwel tournament. Fis-semi-finali, għelibt lill-plejer professjonali Martin O’Donnell u fil-Finali rbaħt kontra ‘Former professional Shootout’ event winner, Michael Holt. Dawn huma ftit mill-esperjenzi sbieħ li tatni l-loghba u li għal xi raġuni, bqajt niftakarhom.

Kif rajt il-logħba tas-snooker tinbidel matul l-aħħar snin f’Malta għalkemm għadek ta’ età relattivament żgħira?

F’dawn l-aħħar erba’ snin mill-ftuħ tal-akkademja tas-snooker, rajna l-livell tal-logħba f’pajjiżna jispara ‘l fuq. Din hija ħaġa evidenti peressli dejjem qed nilagħbu fuq l-istess kundizzjonijiet kemm waqt it-taħriġ kif ukoll waqt il-kompetizzjonijiet. Dan huwa fattur importanti, għax il-kundizzjonijiet li qed tittrenja fuqhom huma l-istess waqt il-logħob … fejn qabel konna fil-każini u kull logħba li jkollok kienet tkun  tiddependi fuq x’kundizzjoni se ssib l-mejda. Ċertu logħob sar jixxandar dirett fuq il- paġna ta’ facebook / youtube, fejn dan huwa inċentiv għal kull plejer sabiex jidra jilgħab quddiem camera, filwaqt li n-nies jistgħu isegwu mill-kumditá ta’ darhom. L-Assoċjazzjoni maltija tas Snooker flimkien ma’ SportMalta jagħmlu ħilithom kollha sabiex jgħinu fejn jistgħu lill-plejers u jġibu l-fondi biex ikunu jistgħu isiefru u jgħinu biex jipparteċipaw f’tournaments kbar. Fuq livell internazzjonali, kif wieħed jista’ jara, il-livell dejjem qed jikber. Qabel ma kontx tara plejer mill-aqwa 16 tad-dinja li jitlef ma’ ieħor li jinsab ‘l isfel fil-klassifika. Illum il-ġurnata, din narawha tiġri spiss. Din hija evidenza li l-livell huwa għoli ħafna.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport?

Bħal kull plejer tas-snooker, dejjem xtaqt nilghab fuq livell professjonali. Illum il-ġurnata, insiefer ħafna drabi għal tournaments fejn jistgħu jagħtuk l-opportunitá li tikkwalifika għall-‘Main Tour` minnhom. Biex tidħol hemm m’hijiex faċli u nemmen li t-tournament irid ikun għalik biex jirnexxielek. Jien naħdem ‘Full-Time` ma’ kumpanija jiġifieri t-taħriġ huwa limitat. Għaldaqstant, xorta waħda nipprova niddedika ċertu ħin ta’ kuljum fuq il-mejda sabiex meta nsiefer nkun ippreparat sew.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ tiegħek lil dawk iż-żgħażagħ illi jixtiequ jaqbdu karriera fis-snooker.

Iż-żgħażagħ tal-lum għandhom ħafna faċilitajiet li jien u dawk ta’ qabli ma kellhomx. Illum għandna akkademja sabiħa, fejn wieħed jista’ jmur hemmhekk, jittrenja u jingħata l-għajnuna biex ikompli javvanza fil-logħba. Jekk plejer jirnexxielu jikber fil-logħba, isiefer u saħansitra jġib xi unuri huwa ta’ sodisfazzjon kbir. Barra minn dan, li jkollok sport u jżommok ‘il bogħod minn kull vizzju, huwa ta’ ġid għaż-żgħażagħ tagħna!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport