Tuesday, May 14, 2024

LI NĦARSU S-SAĦĦA MENTALI HUWA IMPORTANTI

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar jiem, reġa’ tqanqal is-suġġett dwar is-saħħa mentali. Suġġett li huwa delikat ħafna u li jolqot faxex differenti tas-soċjetà Maltija.

Din is-sitwazzjoni rajnieha wkoll terfa’ rasha fi żmien il-pandemija meta dan il-perjodu kien jirrikjedi li nibqgħu magħluqin ġewwa djarna biex tkun imħarsa s-saħħa ta’ kulħadd. L-aktar li kienu affettwati kienu dawk li ħassewhom waħedhom u sfaw vittmi tas-solitudni.

Irridu qabel xejn nifhmu li din hija problema li ma tagħraf wiċċ ħadd u tista’ tolqot lil kulħadd f’ħin bla waqt u f’xi drabi l-konsegwenzi jistgħu jkunu anke serji ħafna. Minkejja li llum kiber ħafna l-għarfien dwar il-ħtieġa li titħares is-saħħa mentali, b’danakollu xorta waħda għad hemm xi jsir biex tassew jintlaħqu aktar nies u jekk ma tkunx eleminata almenu tittaffielhom ħafna l-problema li jkunu għaddejjin minnha.

Id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika huwa konxju ta’ dan u qed jieħu b’serjetà kbira din il-problema. Tant hu hekk li ftit tas-snin ilu kienet tnediet strateġija dwar is-saħħa mentali li għandha l-għan li tagħti servizz, taħriġ u anke appoġġ kemm lill-pazjenti u l-qraba tagħhom iżda wkoll lill-ħaddiema fi ħdan is-settur. 

Nemmnu li investimenti bħal dawn, fosthom fil-professjonisti u r-riżorsi umani meħtieġa, jgħinu biex dawn l-individwi jkollhom iżjed dinjità, titneħħa l-istigma minn fuqhom u b’hekk jgħixu ħajjithom b’mod iktar trankwill li tagħtihom il-kapaċità li jikkontribwixxu fis-soċjetà.

Għalhekk nerġgħu ntennu li l-inizjattivi li diġà ttieħdu u dawk li jistgħu ittieħdu kemm mill-Gvern u kemm minn għaqdiet mhux governattivi interessati fis-suġġett għandhom jiġbdu lejhom kull tifħir u apprezzament min-naħa tal-pubbliku inġenerali.

Dan għaliex nemmnu li b’dan il-mod inkunu mhux biss qed inħarsu s-saħħa mentali ta’ dawk milquta mill-problema imma jkunu qed iservu biex is-soċjetà tagħna tkun dejjem solidali ma’ xulxin u b’hekk tissawwar fi kwalità ta’ ħajja aħjar. Għaliex poplu san huwa poplu f’saħħtu.

Sport