Tuesday, November 26, 2024

LIL HINN MIN-NUMRI … LIL MIN SE JAFDA L-POPLU?

Aqra wkoll

In-numri saru jinfluwenzaw lil bosta persuni f’dinja fejn biex ngħidu hekk dak li jkun irid ikun verament jinteressah biex jistħarreġ hu personalment fuq il-fatti wara dawk l-istess numri ppubblikati. Matul il-ġurnata tal-bieraħ kellek diversi osservaturi politiċi u anke ċittadini intiżi fil-politika li ffukaw fuq l-aħħar stħarriġ politiku ppubblikat. 

In-numri wrew bidla mill-aħħar stħarriġ politiku li sar fix-xahar ta’ qabel, liema stħarriġ kien qiegħed juri distakk pjuttost inkwetanti għall-Partit Nazzjonalista hekk kif kien jaqbeż il-55,000 vot, ekwivalenti għal maġġoranza saħansitra akbar mill-akbar rebħa elettorali tal-Partit Laburista. Skont l-iktar stħarriġ riċenti jidher li d-distakk bejn il-partiti l-kbar naqas, b’żieda f’dawk li jgħidu li mhumiex se jivvutaw fl-elezzjoni li jmiss. Fejn tidħol il-fiduċja fil-mexxejja, Robert Abela għadu qiegħed igawdi vantaġġ fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. 

Nemmnu li lil hinn mill-kwistjoni ta’ aħmar jew blu, dan l-istħarriġ kompla jikkonferma l-opinjoni tal-avukat u lettur tal-liġi pubblika Robert Musumeci meta mistoqsi rigward il-futur tal-Partit Nazzjonalista wara s-sentenza tal-Qorti Ċivili rigward il-konċessjoni tal-isptarijiet. Huwa kien qalilna li dan huwa regolat minn kemm il-Partit Laburista jibqa’ jilħaq l-aspetattivi tan-nies. Għaliex ngħidu dan?

Minkejja li l-Partit Nazzjonalista bħal donnu ħareġ jiċċelebra rebħa elettorali minħabba s-sempliċi raġuni li skont in-numri pubblikati naqqas id-distakk, mhux biss jinsab ’il bogħod milli jerbaħ, iżda għadu qiegħed isib tfixkil minn esponenti tal-istess partit li ma kull pass donnhom iridu joħorġu għonqhom li kien bis-saħħa tagħhom li sar it-tali pass. Spikkat il-botta u risposta bejn l-eks deputat Jason Azzopardi u l-Kap tal-Partit li issa ilha xhur għaddejja. Huwa qies in-numri ppubblikati bħala ironija meta skontu kien hu li kkonvinċa lil Delia jiftaħ il-kawża. Mhux biss, huwa faħħar lill-eks Kap tal-partit għal dawn in-numri bla ma semma mkien lil Grech daqslikieku hu ma kellu l-ebda kontribut minkejja li qiegħed fil-pożizzjoni li qiegħed.

Min-naħa l-oħra l-Prim Ministru Robert Abela mhux l-ewwel darba li ma tax kas in-numri. Waqt l-aħħar kampanja elettorali stess meta stħarriġ wara l-ieħor tal-istatistiku Dr Vincent Marmara kienu qegħdin juru vantaġġi kbar għall-Partit Laburista, Abela saħaq li hu se jibqa’ jdur għand in-nies u jisma’ x’kellhom xi jgħidu. 

Morna għall-elezzjoni u kważi sena mill-akbar rebħa elettorali, il-Prim Ministru fid-diskors tiegħu saħaq li minkejja l-ħafna tajjeb li sar, il-gvern għadu entużjast li jaħdem biex ikompli jwettaq ir-riformi. Huwa fakkar fid-diversi għajnuniet li ta biex kulħadd ikollu l-opportunità li jaħdem fosthom servizz ta’ childcare bla ħlas għal kulħadd. Fakkar fir-rikonoxximent lejn il-pensjonanti b’żieda wara l-oħra u l-għajnuna lill-istudenti biex kull min jaspira li jeduka ruħu, jkollu l-opportunità li jagħmel dan anke b’servizzi bħalma huwa t-trasport b’xejn u eżamijiet bla miżati.

F’lista twila ta’ miżuri u emendi li komplew itejbu l-ħajja tan-nies f’dawn l-aħħar għaxar snin, il-Prim Ministru saħaq dwar il-bżonn li l-gvern jibqa’ jħoss il-polz tan-nies, jinżel u jitkellem magħhom tant li mhux biss bil-kliem, iżda ftit wara f’attività informali mar jiltaqa’ man-nies f’Ħaż-Żabbar ikkonferma bil-fatti dak li jemmen fih.

Mhux biss, dwar is-sentenza tal-konċessjoni tal-isptarijiet, Abela qal li mhux biss m’għandu l-ebda problema jitkellem dwarha, saħaq li se jkun sod ma’ Steward u li dak li hu tal-poplu se jingħata lura lilu. 

Nemmnu li l-poplu kapaċi jagħraf fejn sar tajjeb u fejn sar ħażin. Kapaċi jagħraf fejn sab l-appoġġ meta fittex l-għajnuna. Kapaċi jiddistingwi bejn l-istil ta’ ħajja li kien jgħix qabel l-2013 u wara li ta l-fiduċja lil gvern li baqa’ jappoġġja b’rebħiet elettorali kbar. Lil hinn min-numri sta għall-istess gvern li jibqa’ jagħti lill-poplu l-ispalla li għandu bżonn bħalma kien kapaċi jagħmel quddiem sfidi kbar bħalma kienu l-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna. 

Sport