Saturday, October 26, 2024

LIL SIEĦBI OLIVER…

Jean Claude Micallef
Jean Claude Micallef
Deputat Laburista

Aqra wkoll

Kemm qaluli xorti dwar x’qal l-Onorevoli Scicluna. Sal-Prim Ministru kellu jitkellem dwar il-kumment tad-Deputat li hu stess poġġieh biswiti fil-bankijiet parlamentari.

Oliver u jien ġejjin mid-dinja tal-ispettaklu, l-arti u l-kultura. Ilni nafu s-snin għax apparti t-talent dejjem laqatni l-karattru tiegħu. It-tip li jaf jiġi jaqa’ u jqum minn kollox però waqt l-istess proċess t’alabiebiżmu jaraf l-ħtiġijiet meħtieġa u b’mod radikali jattwa.

Jaf wieħed ikollu jaqrah darbtejn il-paragrafu li għadni kemm ktibt u hemm nifhmu li l-abbiltà ta’ Oliver jaf hi d-diżabilità tagħna. Kemm bħala soċjetà u wisq iktar bħala politiċi. Ironikament hemm min interpreta d-diskors bħala gambetta personali mid-deputat Laburista, kien hemm min qal li b’tali rimarki qata saqajh għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Il-verità hi li Oliver, tista taqtalu saqajh u xorta jimxi ‘l quddiem. Persuna soda li għaraf kif id-diffikultajiet li twieled bihom jaqlibhom f’ opportunitajiet. In oltre hu t-tip li tant hu prattiku u determinat li fejn ma jlaħħqux saqajh juża jdejh u moħħu u f’għajnejn kulħadd jidher saqajh mal-art.

Jista joffri u jikkontribwixxi aktar milli jittewweb fil-backbench? Bħal oħrajn, mija fil-mija iżda mhux prużuntuż u wisq inqas laqi. La jkun xeba mhux se joqgħod isaħħan is-siġġu imma se jimxi lejn toroq oħra li jkun apprezzat aktar.

Mhux kull politiku hu hekk. Qabel xejn għax mhux kull bniedem magħmul hekk. It-tieni għaliex il-politika ma timxix bil-mertu ta’ kemm inti saġġ, kolt jew prattiku. Oliver Scicluna wera lil kulħadd li s-soċjetà m’għandix tħares lejh biex titħassar id-diżabilità tiegħu u jiġbed is-simpatija imma għandha tagħraf id-diżabilitajiet fi ħdanha u bħal m’għamel hu toħloq opportunità biex timxi ‘l quddiem.

Strateġikament jaf jitlef voti t’individwi li trabbew iħarsu lejn politiku bħal żejża li jridu jerdgħu. Jaf għax imdorrija b’ politiċi illi hekk biss kellhom x’joffru. Però min hu għaqli jagħraf li f’politiċi bħal Oliver hemm ħassieba li kapaċi jirriformaw, kelliema li ma jinħlewx fil-kotba bi scripts lesti imma kelliema li l-vokabularju fformulawh mit-triq u kapaċi jiftħu toroq t’opportunitajiet ġodda għal min xeba bil-medjokrita. Il-Malta li rrid nara jien, irrid nibniha ma’ mħuħ bħal Oliver Scicluna. 

Fuq il-mobile tiegħi, l-Onor Scicluna għadu mniżżel bħala l-‘Jimbo legs’ li jfakkarna li għal min ħaseb li qatawlu saqajh, il-verità hi li anqas biss ħassu!

Jean Claude Micallef – Deputat Laburista 3 Distrett

Sport