Saturday, December 21, 2024

“Lilkom qalulkom prosit bil-voti” – Konrad Mizzi lill-Oppożizzjoni

Aqra wkoll

F’seduta oħra tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi dwar il-proġett tal-Electrogas, reġa’ spikka l-għajjat kif ukoll il-botti u r-risposti bejn l-eks Ministru Konrad Mizzi u l-membri tal-Oppożizzjoni fuq l-istess Kumitat. Waqt li x-xhud kien għaddej bil-preżentazzjoni tiegħu dwar il-proġett, kien hemm mument partikolari fejn il-membri tal-Oppożizzjoni bdew jirreferuh għal affarijiet oħra inkluż dwar il-Partit Laburista.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield intervjena u qal: “Hawn qegħdin nanalizzaw ir-rapport tal-Awditur, xejn iktar u xejn inqas. L-affarijiet interni tal-Partit Laburista tidħlux fihom. Għax aħna ma jinteressaniex minn tagħkom. X’tagħmlu intkom araw intkom. X’nagħmlu aħna, narawh aħna.”

Ftit tal-ħin wara, l-eks Ministru Mizzi kien involut f’battibekk ieħor mad-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus x’ħin dan tal-aħħar qallu: “L-Onorevoli mhux it-titlu. L-Onorevoli kif iġġib ruħek. U inti mingħalik għadek Onorevoli bl-affarijiet kollha li għamilt.” 

Dlonk wieġbu l-eks Ministru Mizzi li qal: “Jiena nirrappreżenta lill-poplu Malti u Għawdxi u b’wiċċi minn quddiem niddefendi dan il-proġett. Ma kellkomx punt wieħed x’toħorġu biex tgħidu fuq dan il-proġett.”

Iċ-Ċermen tal-Kumitat Beppe Fenech Adami mbagħad nstema’ jgħid lix-xhud: “Illejla jkollok ħafna kummenti jgħidulek Prosit Ministru.” Kien hawn meta l-eks Ministru Konrad Mizzi qallu: “Lilkom qalulkom prosit bil-voti.”

Ekonomija

Sport