Monday, May 13, 2024

Lionel Messi jirbaħ il-Ballun tad-Deheb għat-tmien darba

Aqra wkoll

F’ċerimonja li saret f’Theatre du Chatelet, f’Pariġi, u ppreżentata mill-eks player ta’ Chelsea, Didier Drogba u l-ġurnalista Sandy Heribert, l-attakkant internazzjonali Arġentin ta’ Inter Miami,  Lionel Messi, rebaħ il-Ballun tad-Deheb  għal rekord ta’ tmien darbiet.

Messi, ta’ 36 sena, għen lil pajjiżu jirbaħ it-Tazza tad- Dinja li ġiet organizzata fil-Qatar, f’Novembru  tas-sena l-oħra. 

Is-seba’ darbiet l-oħra meta rebaħ dan l-unur kienu – 2009, 2010, 2011, 2012, 2015, 2019 u 2021. 

Fit-tieni post spiċċa l-attakkant ta’ Manchester City u n-Norveġja, Erling Haaland, segwit mill-Franċiż ta’ Paris St-Germain, Kylian Mbappe. 

Dan it-trofew tant prestiġjuż ġie ppreżentat mill-eks internazzjonali Ingliż, David Beckham. 

Il-Ballun tad-Deheb jivvutaw għa­lih 100 ġurnalist  minn dawk il-pajjiżi li huma rrankjati fl-ogħla livelli  tal-FIFA.

Fl-unuri l-oħra, iż-żagħ­żugħ Ingliż ta’ Real Madrid, Jude Bellingham,   rebaħ il-Kopa Trophy. 

L-attakkant Brażiljan ta’ Real Madrid, Vinicius Jr, rebaħ is-Socrates Award wara li waqqaf fondazzjoni għal tfal inqas ixxurtjati fil-Brażil. 

Il-goalkeeper Arġentin ta’ Aston Villa, Emiliano Martinez, rebaħ il-Yashin Trophy.

In-Norveġiż ta’ Manchester City, Erling Haaland, rebaħ il-Gerd Muller Trophy bħala l-Aqwa Skorer tal-istaġun li għadda meta skor­ja xejn inqas minn 56 goal. 

L-attakkanta Spanjola ta’ Barcelona, Aitana Bonmati, rebħet il-Ballon D’Or tan-Nisa, fejn rebħet il-UEFA Champions League u l-Kampjonat Spanjol. Fit-tieni post ġiet l-Awstraljana ta’ Chelsea, Sam Kerr, segwita mill-Ispanjola ta’ Barcelona, Salma Paralluelo.

Finalment it-team ta’ Barcelona tan-Nisa rebaħ l-unur tal-Aħjar Club tas-Sena wara li reb­ħu l-UEFA Champions League u l-Kampjonat Spanjol. 

Manchester City rebħu l-unur tal-Aqwa Club wara li rebħu t-Treble … il-UEFA Champions League, il-Premier League Ingliż u l-FA Cup. 

Sport