L-iskola Giovanni Curmi Higher Secondary se tippreżenta t-tielet soirée annwali tagħha, bejn id-19 u l-21 ta’ Jannar 2024, ġewwa s-sala tal-istess skola. Il-Ġimgħa 19 u s-Sibt 20 ta’ Jannar il-preżentazzjoni tibda fis-19:30 filwaqt li l-Ħadd 21 tibda fl-16:00.
Is-soirée ta’ din is-sena hu ispirat mir-rumanz popolari ‘Little Women’. Ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ qarrejja ħabbew l-aħwa bniet bil-kunjom March, li ħarġu minn dan ir-rumanz ta’ Louisa May Alcott.
Dawn il-karattri hekk maħbuba, Jo, l-imqarba daqs sabi ħażin iżda mimlija talenti, Beth, it-tfajla li hi traġikament fraġli, is-sabiħa Meg, u Amy, it-tfajla mfissda u romantika, kollha jingħaqdu fl-imħabba li għandhom għal xulxin u fit-taqbid tal-ħajja biex isalvaw fil-gwerra ċivili ġewwa New England. Ir-rumanz ‘Little Women’ għal Alcott fisser kisba ta’ fama u fortuna dejjiema u żgur li mhuwiex il-ktieb immirat ‘għat-tfajliet’ kif kien talabha tikteb il-pubblikatur tagħha.
Dan għax ir-rumanz jesplora temi universali u dejjiema fosthom l-imħabba u l-mewt, il-gwerra u l-paċi, il-kunflitt bejn l-ambizzjoni personali u r-responsabbiltajiet familjari, u n-nuqqas ta’ qbil bejn il-kulturi Ewropej u Amerikani,
Din il-produzzjoni hi tajba għall-familja kollha, miż-żgħar sal-kbar u tinkludi għadd ta’ biċċiet mużikali tal-widna. Hi tassew ċelebrazzjoni tat-talenti tal-istudenti tal-iskola. Fost il-preżentazzjonijiet li ttellgħu għall-pubbliku mill-iskola f’dawn l-aħħar snin, ta’ min isemmi ‘Rock the Rhapsody’ u ‘Teen Beach: The Musical’. It-tnejn li huma kienu prestazzjonijiet ta’ suċċess u riżultat ta’ dan, hemm stennija kbira għall-produzzjoni ta’ din is-sena.
Il-biljetti jinxtraw minn ticketline.com.mt