L-istrateġija nazzjonali tat-turiżmu f’Malta għandha bżonn tiġi raffinata biex issir waħda bbażata fuq l-esperjenza u li tagħti prijorità lill-eċċellenza u s-sostenibbiltà jekk irridu nattiraw turisti ta’ kwalità ogħla.
“Il-pajjiż irid jifhem li l-kwantità mhijiex dejjem sinonima mal-kwalità,” saħqu Sven von der Heyden u Samuel Santos, żewġ persuni ewlenin wara wħud mill-aktar proprjetajiet lussużi fis-settur tal-ospitalità f’Malta.
“Fil-fatt, il-ħsieb ewlieni tagħna minn dejjem kien li nagħmlu x’nagħmlu, noffru l-kwalità,” jgħid is-Sur Santos, Direttur ta’ IBB Hotel u Cugó Gran Collection, żewġ marki ta’ ospitalità ta’ livell għoli b’proprjetajiet esklussivi, inkluż l-ewwel IBB Hotel, Palazzo Bettina, fil-Vittoriosa Waterfront.
Is-Sur Santos irrimarka li Palazzo Bettina diġa kellu bidu eċċellenti fl-ewwel ħmistax-il xahar ta’ operat, b’rata ta’ okkupanza annwali ta’ madwar 70%, rata li qabżet kull aspettattivi tal-lukanda. Kien hemm ukoll rata għolja ħafna ta’ sodisfazzjon mill-klijenti, li qabżet is-96% skont Reviewpro.
Is-Sur Santos ħabbar kif il-kumpanija se tkun qed iżżid lukanda oħra ta’ livell għoli mal-portafoll tagħha, il-Cugó Gran Vittoriosa, li mistennija tiftaħ fil-ġimgħat li ġejjin.
Iżda hekk kif il-kompetizzjoni għal turiżmu ta’ kwalità għolja fil-Mediterran qed tkompli tikber, is-sejħiet biex Malta tiffoka fuq il-kwalità minflok il-kwantità qegħdin jiżdiedu.
“L-industrija tat-turiżmu f’Malta tinsab f’mument kruċjali, u issa huwa ż-żmien li niffukaw serjament fuq l-offerta ta’ kwalità jekk irridu ntejbu l-profil tal-pajjiż fis-suq internazzjonali,” irrimarka.
Is-Sur von der Heyden enfasizza li biex tattira turiżmu ta’ kwalità hemm bżonn ħafna ħidma.
“Is-sistema kollha trid taħdem flimkien bħala front magħqud biex tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet, is-sħubijiet u l-kollaborazzjonijiet bejn l-istakeholders kollha, inkluż l-awtorità tat-turiżmu Maltija kif ukoll ma’ sħab internazzjonali. Kollox huwa konness u jkun biss b’sforz kollettiv li nistgħu nħallu impatt reali fuq dak li verament għandha x’toffri l-gżira.”
“Jekk jirnexxilna inżidu l-livell tal-kwalità f’Malta, inkunu nistgħu nbigħu ‘l pajjiż bħala destinazzjoni ta’ livell għoli fis-suq internazzjonali u nattiraw udjenza ikbar li verament tapprezza l-kultura Maltija, l-istorja u l-gastronomija tagħna,” żied jgħid is-Sur Santos.
Iż-żewġ lukandiera saħqu wkoll fuq l-importanza ta’ linja tal-ajru nazzjonali b’saħħitha kif ukoll fuq offerta koerenti fis-settur tal-ospitalità u t-trasport. Huma nnotaw kif fl-2024,Malta qabżet it-3.5 miljun wasla ta’ turisti, żieda qawwija fuq l-ogħla livelli qabel il-pandemija fl-2019.
Iżda għal Sven von der Heyden, il-fundatur tal-Grupp tal-ospitalità, dawn iċ-ċifri li qed jogħlew huma ta’ tħassib.
“Il-pajjiż irid jifhem li l-kwantità mhijiex dejjem sinonima mal-kwalità. Jiena xi ftit inkwetat bin-numru kbir ta’ sodod li qed jidħlu fis-suq, speċjalment fis-settur ta’ lukandi ta’ tliet u erba’ stilel.”
“Nemmnu li Malta laħqet punt ta’ saturazzjoni f’ħafna aspetti tal-ħajja. Biex l-ekonomija tkompli tikber, irridu nżidu r-rati tal-kmamar, nevitaw gwerer tal-prezzijiet fix-xitwa, u niffukaw fuq it-titjib tal-kwalità tal-lukandi eżistenti,” żied jgħid.
Din il-perspettiva tidher li tmur id f’id mal-pjanijiet tal-gvern għall-Baġit 2025, li jagħti prijorità lill-kwalità fis-setturi kollha, inkluż it-turiżmu.
Sfida oħra ewlenija biex jinkiseb livell ogħla ta’ kwalità tibqa’ n-nuqqas kontinwu ta’ talent.
“Is-sitwazzjoni biex insibu n-nies it-tajbin hawn f’Malta qed issir dejjem aktar diffiċli. Nafu li din hija sfida globali, iżda f’Malta din il-problema tinħass iżjed minħabba li aħna gżira żgħira fejn it-talent huwa saħansitra aktar rari,” iżid jgħid is-Sur Santos.
Għal Von der Heyden, raġuni kruċjali oħra hija l-affordabbiltà tad-djar.
“Din m’għadhiex kwistjoni regolari, iżda sors serju ta’ tħassib. Kif nistgħu nattiraw talent meta l-kirjiet għall-iżgħar appartamenti jlaħħqu l-€1,000 fix-xahar, li jirrappreżenta bejn 60% u 70% tas-salarju nett medju? Għandna bżonn programm ta’ akkomodazzjoni affordabbli għall-industrija tal-ospitalità, u probabbilment għal setturi oħra wkoll,” żied jgħid.
Kemm is-Sur Santos kif ukoll is-Sur von der Heyden qablu dwar ir-rwol kruċjali tas-settur privat biex imexxi ‘l quddiem l-offerta ta’ kwalità ogħla f’Malta.
“Ilna naħdmu biex intejbu l-kwalità mill-2018,” jgħid is-Sur Santos. “Għamilna dan flimkien ma’ sħab u kollaboraturi lokali, u lesti wkoll biex inkomplu naħdmu mill-qrib mal-gvern biex niksbu dan l-għan.”
“Irridu naħdmu lkoll flimkien biex intejbu l-prodott Malti jekk irridu nżommu l-industrija tagħna kompetittiva fuq livell internazzjonali. Biss, hemm bżonn li niffukaw iżjed fuq il-kwalità u nindirizzaw dawn l-isfidi nazzjonali flimkien. Hekk biss inkunu nistgħu nassiguraw futur sostenibbli għal Malta bħala destinazzjoni ewlenija fl-ospitalità,” huma temmew jgħidu.