Tuesday, December 24, 2024

Lula jwiegħed li jikkastiga lill-partitarji ta’ Bolsonaro wara l-irvellijiet fi Brasilia

Aqra wkoll

Il-President tal-Brażil Luiz Inácio Lula da Silva wiegħed li se jikkastiga lill-partitarji tal-eks mexxej tal-pajjiż, Jair Bolsanaro wara li qabdu u daħlu għal għarrieda fil-Kungress. L-istess partitarji daħlu wkoll fil-Qorti Suprema u ċċirkondaw il-palazz presidenzjali.

Iżda l-pulizija ħadu l-kontroll tal-binjiet fil-kapitali Brasilia l-Ħadd filgħaxija wara sigħat ta’ ġlied. Meta wasal fil-belt, Lula daħal fil-bini tal-Qorti Suprema biex jara b’għajnejh xi ħsara saret.

Il-Pulizija Ċivili ta’ Brasilia qalu li arrestaw mat-300 persuna. Il-gvernatur tal-Belt, Ibaneis Rocha, tneħħa mill-kariga tiegħu għal 90 jum mill-Qorti Suprema. L-Imħallef Alexandre de Moraes akkużah li naqas milli jipprevjeni l-irvell u li baqa’ “sieket” quddiem l-attakka. Min-naħa tiegħu, Rocha skuża ruħu għal dak li seħħ il-Ħadd.

Id-dimostrazzjonijiet favur id-demokrazija qed jissejħu minn mexxejja u gruppi xellugin madwar il-Brażil. Xeni drammatiċi raw eluf ta’ dimostranti lebsin flokkijiet u bnadar sofor tal-futbol tal-Brażil jaqbżu fuq il-pulizija u jidħlu bi vjolenza fil-qalba tal-istat Brażiljan – ġimgħa wara biss l-inawgurazzjoni ta’ Lula bħala President. 

Il-mexxej veteran tax-xellug kien sfurzat jiddikjara setgħat ta’ emerġenza qabel ma bagħat lill-gwardja nazzjonali fil-kapitali biex jerġa’ jġib l-ordni. Huwa ordna wkoll l-għeluq taċ-ċentru kapitali – inkluż it-triq prinċipali fejn hemm il-binjiet governattivi għal 24 siegħa. 

Il-Ministru tal-Ġustizzja Flavio Dino qal li madwar 40 karozza tal-linja li kienu ntużaw biex iwasslu lid-dimostranti lejn il-kapitali ġew ikkonfiskati u sejjaħ l-invażjoni bħala “attentat assurd biex tiġi imposta r-rieda (tad-dimostranti) bil-forza.”

Is-Sur Bolsonaro kemm-il darba rrifjuta li jaċċetta t-telfa tal-elezzjoni f’Ottubru u l-ġimgħa li għaddiet telaq mill-pajjiż minflok ħa sehem fiċ-ċerimonja ta’ inawgurazzjoni ta’ Lula. Ir-raġel ta’ 67 sena, li hu maħsub li jinsab fi Florida, ikkundanna l-attakk u ċaħad ir-responsabbiltà li ħeġġeġ għall-irvellijiet f’post fuq Twitter xi sigħat wara li bdiet il-vjolenza.

Qabel wasal fi Brasilia, il-President Lula qal li ma kien hemm “ebda preċedent fl-istorja ta’ pajjiżna” għal dak li ġara f’dik il-belt, u sejjaħ il-vjolenza bħala “atti vandali u faxxisti.” 

Huwa dawwar ukoll l-attenzjoni tiegħu fuq il-forzi tas-sigurtà li akkużahom “b’inkompetenza, mala fide jew malizzja” talli naqsu milli jwaqqfu lid-dimostranti milli jidħlu fil-Kungress.

Ekonomija

Sport