Wednesday, April 24, 2024

Tħassib dwar proġetti kbar proposti li jistgħu jieħdu madwar 75 tomna raba’

Rappreżentant tal-Għaqda Bdiewa Attivi jwissi dwar il-konsegwenzi ta’ deċiżjonijiet irriversibbli

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-gvern fl-aħħar xhur sar jitkellem ħafna dwar il-bżonn ta’ xi forma ta’ sigurtà tal-ikel, anke wara li lgħabna man-nar fi żmien il-COVID-19 u anke l-gwerra fl-Ukrajna. Minkejja din il-bidla fil-mentalità, il-proposti tal-iżvilupp jibqgħu ta’ theddida għal dawk il-bdiewa, inklużi dawk iż-żgħażagħ li qegħdin ifittxu art agrikola biex jibdew karriera f’dan is-settur.

F’kummenti ma’ talk.mt, ir-rappreżentant tal-Għaqda Bdiewa Attivi Malcolm Borg tkellem dwar minn tal-inqas erba’ progetti kbar li jekk kemm-il darba jiġu approvati se jkunu qegħdin jieħdu post art agrikola. Dawn il-proġetti jinkludu 4,000 metru kwadru ta’ raba’ biex jinbena stabbiliment f’Ħal Qormi, 5,500 metru kwadru ta’ raba’ biex jinbena stabbiliment ieħor f’Birkirkara, 28,100 metru kwadru ta’ raba’ biex tinbena skola f’Ħal Għaxaq u 39,000 metru kwadru ta’ raba’ biex issir trakka għall-ġiri f’Ta’ Qali. Borg qal li dawn il-proġetti jammontaw għal total ta’ 76 tomna raba’ li minflok jistgħu jsostnu l-għajxien ta’ minn tal-anqas tliet bdiewa full-time u jipprovdu lil pajjiżna kull sena 34,000 kilo ta’ għaġin jew 38,000 kilo ta’ ħobz jew 190,000 kilo ta’ patata jew 300,000 kilo ta’ larinġ.

Jekk l-applikazzjonijiet jiġu approvati m’hemmx mod kif immorru lura

Borg qal li minkejja li dawn il-proġetti għadhom mhux approvati, meta jkunu ppreżentati proġetti kbar bħal dawn anke li jkunu se jħaddmu ċertu ammont ta’ persuni, wisq jibża’ li min ikun qiegħed japprova l-istess proġetti ma jifhimx li din hija deċiżjoni li ma tittreġġax lura. L-art agrikola tista’ tinbidel f’żona ta’ żvilupp b’deċiżjoni fuq il-karta, iżda ladarba jsir żvilupp, m’hemm mod kif immorru lura biex inżidu l-art agrikola ta’ pajjiżna u b’hekk inkunu qegħdin nitilfu parti minn din il-katina li tipprovdilna l-ikel. Borg tkellem magħna wkoll dwar it-tibdil fil-klima u kif kulma jmur din qiegħda tkompli tikkawża problemi ġodda. Fakkar kif pajjiż daqstant kbir bħall-Indja fl-aħħar xhur kellha twaqqaf l-esportazzjoni tal-qamħ minħabba sħanat kbar li wasslu biex tonqos il-produzzjoni tagħha. Ovjament dawn taw prijorità lil pajjiżhom u b’hekk ma saritx esportazzjoni. Hawnhekk huwa kien ċar u responsabbli fi kliemu fejn qal li min jaf, ‘il quddiem, forsi 100 sena oħra jew iktar meta aħna ma jkunx għadna ħajjin, uliedna jew uliedhom għad jispiċċaw b’medda ferm iżgħar ta’ art agrikola, bil-konsegwenza li għad jispiċċaw jittallbu lil pajjiżi oħrajn biex jibagħtulhom l-ikel u anke jisħtu l-mod ta’ kif qegħdin jittieħdu ċertu deċiżjonijiet.

Bżonn li jiżdied id-djalogu bejn il-Ministeri

Ir-rappreżentant tal-bdiewa attivi appella biex jiżdied id-djalogu bejn il-Ministeru tal-Agrikoltura u dak tal-Ippjanar biex jittieħdu deċiżjonijiet li ma jkomplux jikkundannaw il-futur ta’ pajjiżna. Huwa qalilna li fl-opinjoni tiegħu l-Ministeru tal-Agrikoltura għandu għal qalbu s-settur agrikolu iżda bħal donnu l-id il-leminija qiegħda tikkontradixxi l-id ix-xellugija. Huwa saħaq li biex dan ma jibqax iseħħ jeħtieġ li ssir reviżjoni tal-politika wara ċertu deċiżjonijiet bħalma huma dawk fl-approvazzjoni ta’ permessi għall-iżvilupp. Borg qiegħed jappella li l-Awtorità tal-Ippjanar tifhem ir-rabja tan-nies li qegħdin isemmgħu leħinhom minħabba deċiżjonijiet li qed jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja tagħhom f’setturi bħalma huma l-ambjent u l-produzzjoni tal-ikel. 

Borg saħaq li hemm bżonn li quddiem xokkijiet kbar bħalma kienu l-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna, il-gvern Malti jisma’ l-karba tal-bdiewa żgħażagħ li qegħdin jitkarrbu biex tingħatalhom art agrikola biex ikunu jistgħu jdawru ċ-ċiklu tal-produzzjoni tagħhom. Huwa tenna jgħid li diġà tlifna ammonti kbar ta’ art agrikola li dan il-proċess mhuwiex possibbli, iżda żgur li jkun żball irriversibbli li ngħalqu l-bibien lil dawk il-ftit li qegħdin jaċċettaw li b’sagrifiċċji kbar jidħlu f’dan is-settur biex ikomplu l-produzzjoni tal-ikel. “Jekk stess ma nkunux fi stat li nipproduċu l-ikel għall-popolazzjoni kollha, nistgħu nfasslu pjan ta’ kif naħżnu ċertu ikel biex fi żmien iebes ma nispiċċawx nittallbu biex insibu x’nieklu”, temm jgħid magħna Borg.

Sport