Tuesday, April 23, 2024

Tislima lil Silvio Parnis illum hekk kif jerġa’ jiftaħ il-Parlament

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif illum jerġa’ jiftaħ il-Parlament wara l-btajjel tal-Milied, se tkun qiegħda tingħata tislima lill-eks Deputat Laburista u eks Segretarju Parlamentari Silvio Parnis li ħalla din id-dinja nhar it-3 ta’ Jannar 2023 fl-età ta’ 57 sena. 

Dan is-sit jinsab infurmat li fis-seduta tal-lum se jkun qiegħed jitqassam ktejjeb lid-deputati taż-żewġ naħat tal-Kamra dwar Silvio Parnis, fejn se jkun hemm ukoll l-ewwel diskors tiegħu fil-Parlament. 

Wara se jsiru wkoll il-kondoljanzi mill-Gvern, l-Oppożizzjoni u anke l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farruġia. Preżenti għas-seduta se jkun hemm ukoll il-familjari ta’ Parnis u dawk l-aktar qrib tiegħu. 

Silvio Parnis jibqa’ mfakkar bħala politiku ta’ qalb tajba, li baqa’ dejjem qrib in-nies u li dejjem ra li jħaddem fil-prattika l-valuri tal-ġustizzja soċjali u l-għajnuna lill-batut. Għal ħames leġiżlaturi, Parnis irrappreżenta l-kostitwenti tar-raba’ distrett elettorali fil-Parlament, wara li aktar qabel serva bħala Sindku ta’ Raħal Ġdid kif ukoll serva fil-Kabinett.

Il-funeral tiegħu sar il-Ġimgħa li għadda fil-Bażilika ta’ Kristu Re, f’Raħal Ġdid, li għalih attendew mijiet ta’ nies. Fl-omelija tiegħu, Dun Joe Mizzi qal li Silvio Parnis għandu ħafna kwalitajiet sbieħ li għandhom jispirawna, u ddeskrivieh bħala raġel ta’ qalb kbira u miftuħa għall-oħrajn, bi prinċipji u valuri sodi li ffurmaw il-karattru tiegħu.

Sadanittant, fuq proposta tal-Prim Ministru Robert Abela, kien hemm ukoll qbil unanimu li l-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista jinnomina lil Silvio Parnis biex ikun rikonoxxut mill-Istat għall-kontribut li ta lis-soċjetà matul is-snin. 

Sport