Wednesday, March 27, 2024

Futsal: Swieqi Utd iżommu l-mument brillanti

Aqra wkoll

Swieqi United komplew għaddejjin mill-mument brillanti tagħhom fl-Enemed Futsal League meta b’wirja mill-aqwa għelbu lil Malta Veterans 12-4.

Kif jindika l-iskor, it-tim bil-flokkijiet oranġjo ddominaw din il-partita b’Ryan Muscat li jiskorja tripletta u b’Felipe Molina li kien awtur ta’ doppjetta.

Rodney Debono, Shaun Deguara, Brandon Debono, Dylan Pace, Antonio Ferraro, Dylan Pirotta u Brayan Steven Rivera skorjaw il-gowls l-oħra ta’ Swieqi.

Il-Veterani skorjaw permezz ta’ doppjetta ta’ Daniele Degennaro, Robert Fenech u Timmy Elias.

Iċ-champions Luxol St Andrews ftit sabu diffikulta sabiex jegħlbu lit-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-19-il sena 9-0.

Andy Mangion, Mark Zammit u Maicon skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Matthew Attard, Andre Ciancio u Celino Alves żiedu aktar gowls għat-tim minn St Andrews.

F’logħba ferm emozzjonanti u akkanita, Ta’ Xbiex u St Georges temmew il-konfront tagħhom fi draw ta’ 5-5.

Kienet logħba ta’ botta u risposta biż-żewġ naħat li għamlu minn kollox sabiex jiksbu r-rebħa finali.

Minkejja kollox, huma kellhom jikkuntentaw b’punt kull wieħed.

Karl Sciortino, Melvin Borg, Stefi Cale, Dylan Musu u Liam Caruana skorjaw il-gowls għal Ta’ Xbiex.

Karl Luke Schembri spikka għal St George’s meta skorja hat-trick b’Jovica Milijic u Mark Adami jżidu l-iskor għat-tim tagħhom.

Żurrieq FC kisbu r-raba’ rebħa staġjonali meta għelbu lil Marsaskala 7-0.

It-tim immexxi minn Boycho Marev kien dominanti tul il-logħba kollha b’Marsaskala li sabuha diffiċli jwaqqfu lill-avversarji tagħhom.

Chris Cardona u Kurt Darmanin skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Boycho Marev, Armando Gjepali u Jose Mario Mendez Fernandez żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.

L-Universita’ ta’ Malta kisbu rebħa importanti ta’ 3-0 kontra Fgura United. Denzil Pisani, Andre Cachia u Mohammed Elamari skorjaw il-gowls tal-Universitarji sabiex ħadu tliet punti li jkomplu jtuhom tama li jispiċċaw mal-ewwel timijiet fil-klassifika.

KLASSIFIKA – ENEMED FUTSAL LEAGUE

Luxol, Swieqi 21, Ta’ Xbiex 19, University of Malta 15, Żurrieq 12, St George’s 10, Marsaskala 9, Fgura 6, Malta U19 3, Malta Veterans 0

Ekonomija

Sport