Saturday, February 4, 2023

MAFA: Swieqi Braves jibqgħu fil-quċċata

Aqra wkoll

Swieqi Braves baqgħu jżommu l-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni tal-MAFA meta għelbu lil Birkirkara St Joseph bl-iskor ta’ 3-1.

Minkejja r-rebħa l-istudenti Brażiljani xejn ma sabuha faċli kontra l-Karkariżi li baqgħu fil-logħba u kien biss lejn l-aħħar li Swieqi aċċertaw ruħhom mir-rebħa.

Kien Italo dos Santos Costa li poġġa lil Swieqi fil-vantaġġ sabiex Horace Darmanin ġab l-iskor indaqs għal Birkirkara St Joseph.

Erba’ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, Swieqi reġgħu skorjaw b’dos Santos Costa jgħaqqad doppjetta personali.

Fit-tieni taqsima, Birkirkara bdew jattakkaw bi Swieqi li aċċertaw ir-rebħa finali tliet minuti minn tmiem permezz ta’ German Para Escala.

Referee kien Lorry Sammut.

Mohammed Abdukadir kien l-eroj għal Valletta Stars hekk kif skorja erba’ gowls u witta t-triq għar-rebħa ta’ 4-0 li kisbu kontra Żabbar Southsiders.

Wara vantaġġ ta’ żewġ gowls sa tmiem l-ewwel taqsima, l-andament tal-logħba ftit inbidel fit-tieni 35 minuta bil-Beltin iżidu tnejn oħra għal tliet punti importanti li jħalluhom erba’ punti bogħod mil-leaders Swieqi Braves.

Referee kien Jean Pierre Mifsud.

F’logħba ferm bilanċjata, Ta’ Ġiorni Wanderers u Balluta Barracudas spiċċaw fi draw ta’ 1-1.

Il-Cudas kellhom ħafna mill-pussess speċjalment fit-tieni taqsima u minkejja li sabu ruħhom minn taħt għarfu jwettqu reazzjoni u eventwalment ġabu d-draw.

Min-naħa tagħhom, Ta’ Ġiorni komplew bis-sensiela pożittiva tagħhom fejn issa ilhom ma jitilfu sitt logħbiet.

Kienu Ta’ Ġiorni li marru minn fuq permezz ta’ Thomas Debono wara seba’ minuti logħob.

Fit-tieni taqsima, Balluta tjiebu u ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Thomas Mifsud.

Referee kien Jonathan Balzan.

Gudja Wanderers setgħu jiċċelebraw l-ewwel rebħa staġjonali meta fil-konfront dirett tan-naħa t’isfel tal-klassifika għelbu lil Naxxar Victorians b’gowl uniku ta’ Matthew Vassallo.

B’din ir-rebħa, il-Gudjani laħqu lil Naxxar fil-klassifika u jinsabu b’punti ndaqs għalkemm għandhom differenza ta’ gowls aħjar.

Għal Naxxar din kienet il-ħames telfa staġjonali.

Referee kien Pasquale D’Errico.

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Buġibba Club de Swat irritornaw għar-rebħ meta b’gowl f’kull taqsima għelbu lil Ħamrun Amateurs 2-0.

Kien Sajeev Pezhumkattil li poġġa lit-tim Indjan minn fuq wara 13-il minuta logħob sabiex Nishad Moideen Azumangad irdoppja l-iskor fit-58 minuta.

B’din ir-rebħa, Buġibba laħqu lil Attard bi 11-il punt fil-klassifika għalkemm għandhom logħba iktar.

Referee kien Alex Grech.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Delicious

Sport