Wednesday, April 24, 2024

“Ma jafx x’laqtu dak li fis-27 ta’ Marzu qam u lanqas jaf x’għadda minn fuqu”

Deputat Laburista b’risposta għal botta tan-naħa l-oħra tal-Kamra tar-Rappreżentanti

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Pajjiżna baqa’ b’saħħtu filwaqt li pajjiżi oħra għotru fi żmien il-pandemija”. Iddikjara dan id-deputat Laburista Glenn Bedingfield b’indirizz b’risposta għad-diskors tal-President fis-seduta parlamentari tal-Erbgħa filgħaxija.

Bedingfield qal li l-Partit Laburista se jkompli jkun ta’ spalla għall-ħafna minoranzi li mingħajru lanqas jitħallew jagħmlu pass. Huwa kompla biex jgħid li bħala rappreżentanti tal-Kamra, in-nies jistennew li huma jiddiskutu u jilleġiżlaw biex itejbu l-ħajja tal-poplu Malti.

Saħaq li fost l-ewwel liġijiet, se tingħata l-opportunità lil dawk il-koppji li qegħdin isibu diffikultà biex isiru ġenituri. Fakkar li l-Kap tal-Oppożizzjoni waqt attività fl-4 ta’ Marzu qalilhom “Intkom ilkoll għandkom x’toffru lis-soċjetà u bil-ħidma u x-xogħol tagħkom jekk tgħinu lil dan il-partit ikun fil-gvern tkunu qegħdin tgħinu lit-tfal ta’ ħaddieħor biex huma jirnexxu kif xtaqtu li jkollkom tfal intkom illi jirnexxu”. Tkellem dwar l-insensittività tal-Oppożizzjoni f’dan is-suġġett u qal li jinsab kurjuż biex jara kif se taġixxi dwar dawn l-emendi n-naħa l-oħra tal-kamra.  Fakkar kif l-Oppożizzjoni kkritikat meta nħarġu l-vawċers u l-għajnuna lill-ħaddiema.

Waqt li kien qiegħed jelenka dawn l-għajnuniet, Bedingfield kompla botta li ġiet min-naħa l-oħra tal-Kamra meta sema lil xi ħadd jistaqsi x’kien laqtu. Bedingfield wieġeb b’risposta “Ma jafx x’laqtu dak li fis-27 ta’ Marzu qam u lanqas jaf x’għadda minn fuqu”, kompla Bedingfield filwaqt li gvern Laburista jaf xi jridu n-nies.

Filwaqt li kompla biex jitkellem dwar il-viżjoni tal-gvern, Bedingfield qal li dan il-gvern qiegħed hemm u se jibqa’ jkun hemmhekk għall-ħaddiema. “Jiena waħda mill-proposti li naqbel magħha hija li kull ħaddiem ikun membru ta’ union tal-għażla tiegħu”, kompla d-deputat Laburista filwaqt li kien qiegħed jitkellem dwar setturi ta’ ħaddiema li għadhom jaħdmu f’kundizzjonijiet li jistgħu jitjiebu b’mod speċjali l-pagi. Huwa sostna li ħaddiema f’union tfisser struttura aktar organizzata li ma tgħinx biss lil min iħaddem, iżda tfisser li aktar ħaddiema jkunu jistgħu jgawdu minn titjib fil-kundizzjonijiet għal kwalità aħjar tal-għajxien.

Sport