“Il-kumpanija Gatt Development Limited fejn jaħdem il-vittma tħaddem bejn 12 u 15-il persuna. Din il-kumpanija ma għamlet l-ebda Health Risk Assessment fejn peress li hemm aktar minn ħames impjegati l-ligi tipprovdi li d-dokumenti ta’ natura health risk assessment għandu jkun immanifestat bil-miktub. Ħareġ manifestament ċar li l-kumpanija ma tat ebda tip ta’ taħrig lill-ħaddiema tagħha la qabel ma bdew ix-xogħol u lanqas tul l-impieg tagħhom. Waqt l-aċċess li sar fil-garaxx irrizulta li l-kumpanija ma tadoperax prassi ta’ sigurta fuq il-lok tax-xogħol. Il-kumpanija naqset milli tipprovdi railings biex b’hekk jigu ssegregati l-ħaddiema u l-ingenji. Ġie osservat li ma kien hemm l-ebda tabella li tindika minn fejn wieħed għandu jimxi b’mod sigur u fil-fatt hija ħaġa regolari li l-ħaddiema jimxu biswit l-inġenji waqt li jkunu qegħdin jitħaddmu.”
Dan jirriżulta minn sentenza mogħtija fil-Qorti meħuda mill-inkjesta u mir-rapport tal-OHSA, f’liema sentenza ħames diretturi ta’ żewġ kumpaniji ġew immultati €6,000 kull wieħed wara li nżammew responsabbli għal inċident li fih ħaddiem weġġa’ f’impjant f’Għawdex. L-inċident kien seħħ fit-2 ta’ Mejju tas-sena 2017 fl-impjant Gatt Ready Mix f’Għajnsielem bil-ħaddiem sofra ġrieħi gravi u għamel żmien fil-periklu tal-mewt.
Il-Qorti iddikjarat li “tqis li tressqu biżżejjed provi sodisfaċenti illi l-imputati bħala persuni li jħaddmu naqsu milli jiżguraw is-saħħa u s-sigurtà tal-persuni li jistgħu jiġu affettwati bix-xogħol, u dan peress illi naqsu milli jipprovdu barriers li jifirdu l-karreġġjati minn fejn jgħaddu l-vetturi mill-perkors minn fejn jgħaddu l-pedestrians. Jirriżulta wkoll illi l-impjegati qatt ma ngħataw ebda informazzjoni jew taħrig biex inaqqsu r-riskju fuq il-post tax-xogħol u qatt ma ngħataw struzzjonijiet biex jonqos l-istess riskju.”