“Jekk verament nemmnu f’ġustizzja effettiva ma nistgħux inħallu l-inġustizzji jsiru. Ma nistgħux lanqas inreġġgħu l-arloġġ lura.” Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg fil-Parlament meta kompla jiġi diskuss l-abbozz ta’ liġi dwar ir-riforma fl-inkjesti maġisterjali.
Id-Deputat Prim Ministru qal li din ir-riforma se tagħti ċertezza u kjarezza fuq proċess daqstant importanti. Se jkun hemm termini u perjodi definiti u raġjonevoli għad-deċiżjonijiet. Dan filwaqt li se jkun hemm aktar skrutinju, il-proċess se jkun elevat għal quddiem Imħallef u se jkun hemm ukoll aktar viżibilità ta’ dak li jkun għaddej.
“M’għandux ikun hemm serħan il-moħħ illi r-riforma tistabbilixxi kriterji serji fuq il-ħatra tal-esperti u l-irwoli tagħhom? Jekk irridu inkjesti aktar effettivi, m’għandux ikun hemm kontabbiltà min jitħallas?,” kompla jistaqsi d-Deputat Prim Ministru.
Huwa appella wkoll sabiex minflok noqogħdu nħarsu lura, inkunu aktar kostruttivi. “Ejja nkomplu niddiskutu. Ejja ntejbu dan l-abbozz sabiex fl-aħħar mill-aħħar meta jiġi biex jitħaddem inkunu tajna s-sehem tagħna lejn il-ġustizzja u lejn progress fir-riformi f’qasam daqstant importanti għal soċjetà illi trid li n-nies tagħha jkollhom dejjem kwalità ta’ ħajja aħjar,” temm jgħid id-Deputat Prim Ministru.