Sunday, December 22, 2024

Ma tinstabx ħatja li pprovat tippreżenta dokumenti foloz lil Identity Malta

Aqra wkoll

Puspa Maya Tamang ta’ 38 sena, minn Nepal iżda tgħix Ħal Qorti ma nstabix ħatja mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace li fit-18 ta’ Lulju ta’ din is-sena meta kienet Identity Malta ipprovat tieħu benefiċċju meta ppreżentat dokumenti foloz u anke tgħat tagħrif falz lill-uffiċjal pubbliku.

L-akkużata kienet tressqet b’urġenza l-Qorti l-għada li seħħ dan il-każ mill-Ispettur Shamus Wood fejn kien akkużha b’diveri akkużi. Hi kienet ċaħdet kull akkużha miġjubha kontrija. Dakinhar hija kienet baqgħet tinżamm arrestata minħabba li ma kienx hemm garanzija li ma taħrabx minn pajjiżna.

L-Ispettur Prosekutur Shamus Woods xehed fil-Qorti li fid-data msemmija kien irċieva telefonata fl-għassa tal-Imsida mill-Kap tal-Compliance ta’ Identity Malta. Hu kien talba l-assistenza tal-pulizija hekk kif Tamang Pupsa Maya kienet qiegħda tipprova tippreżenta dokumenti foloz biex takwista residenza f’pajjiżna.

Qal li l-pulizija marru fuq il-post u kienu arrestaw lil Maya, iżda meta ġiet interrogata mill-Ispettu Ransley hi ċaħdet li kellha xi dokumenti foloz. L-Ispettur qal li mill-investigazzjoni li saret sab li r-residenza li kienet qiegħda tippreżenta Maya kienet vera teżisti.

Iżda hekk kif komplew l-investigazzjonijiet ġiet ippreżentata korrispondenza bejn Identity Malta u Joanne Camilleri – sid il-post li kienet Maya kienet qalet li se tikri. Camilleri qalet li hi qatt ma kriet il-post lil Maya u lanqas biss tafha.

Hu kompla jixhed li l-akkużata kienet ammettiet miegħu li kienet taf li qed tagħmel kuntatt ma’ bniedem li mhix Camilleri, iżda kienet qiegħda tiftihem ma’ raġel ieħor minn Nepal li kien jinsab il-Protugal.

Fuq ir-raġuni għaliex iffirmat fuq il-ftehim tal-kera, l-Ispettur qal li meta staqsa dwar dan l-akkużata qaltlu li r-raġel minn Nepal kien qallha li se jkollha bżonn din ir-residenza biex tkun tista’ takwista permess li tibqa’ tgħix Malta. Hi qalet ukoll lill-Ispettur li r-raġel li kienet qed titkellem miegħu kien qallha li wara li jkollha d-dokumenti kollha kienet se tingħata xogħol f’pajjiżna.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li l-imputata kienet ippreżentat id-dokumenti kollha rikjesti biex tkun tista’ takwista premess ta’ residenza. Il-Qorti nnutat li Maya ma tifhimx la bl-Ingliż u lanqas bil-Malti u kienet marret fl-uffiċini tal-Identity Malta biex tirraporta li ma kinitx irċiviet il-karta tal-identità u kien hemm minn li beda proċess ta’ verifika.

Ġie nnutat li fix-xhieda ta’ Joanne Camilleri kienet għamlet rapport li fir-residenza tagħha kienet qed tirċievi posta ta’ nies li ma kinux jgħixu hemm.

Il-Maġistrat qalet li sabiex Qorti Kriminali ssib persuna ħatja ta’ reat il-Prosekuzzjoni għandha tippreżenta l-aħjar provi posibbli u f’dan il-każ dan ma sarx.

Kien għalhekk li l-Qorti ma sabitx lil Puspa Maya Tamang ħatja tal-akkużi kollha ppreżentati kontrija u illiberata minn kull ħtija.

Ekonomija

Sport