Tuesday, April 30, 2024

Madwar 85,000 persuna jattendu għal ritorn grandjuż tan-Notte Bianca

Aqra wkoll

Din is-sena madwar 85,000 persuna attendew bi ħġarhom il-15-il edizzjoni ta’ Notte Bianca li rritornat wara sentejn ta’ nuqqas minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Dan in-numru rekord għal din is-serata mogħnija b’aktar minn 50 attività kellha kru ta’ iktar minn 300 persuna u madwar 548 artist.

Festivals Malta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, kien l-organizzatur ta’ dan il-festival ta’ suċċess li din is-sena qabeż kull aspettattiva kemm fl-organizzazzjoni, kif ukoll fil-kwalità tal-produzzjonijiet preżentati. Il-programm ta’ Notte Bianca 2022 kien imqassam fuq seba’ rotot marbuta ma’ diversi forom ta’ arti. L-akbar rotta kienet dik tal-mużika fejn kien hemm madwar 20 proġett ta’ ġeneri diversi maqsuma bejn seba’ palkijiet, knejjes, teatri u mużewijiet. 

Ritratt: Camille Fenech

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, stqarr kif wara nuqqas ta’ sentejn in-Notte Bianca rritornat bil-kbir u spjega li, “b’dan l-avveniment komplejna nesebixxu u niċċelebraw il-kultura Maltija, fil-forom differenti tagħha, f’diversi avvenimenti speċjali għall-Belt Valletta”.

Il-proġett interessanti ħafna li din is-sena kellha Notte Bianca kien “UNight” li kien jikkonsisti minn kollaborazzjoni bejn artisti lokali u artisti b’oriġini Mediterranja, Afrikana u Għarbija li taw prestazzjoni multidixxiplinarja fil-Gran Salon fil-Mużew tal-Arkeoloġija.  Dan il-proġett iċċelebra l-għaqda fid-diversità.  

Ritratt: Joe Smith

Għall-Belt, l-istallazjoni tal-karozzi tal-linja tradizzjonali, kienet waħda tassew unika li qanqlet ħafna nostalġija. Dawn il-karozzi ma kienux biss dekor fi Pjazza Tritoni imma kienu parti minn proġett li jibni fuq l-istorja li dawn stess iġorru magħhom u servew ta’ palk għal diversi produzzjonijiet teatrali u taż-żfin.

Fil-Berġa ta’ Aragona kien hemm ukoll proġett li għaqqad l-għana tradizzjonali Malti f’fużjoni mar-ritmu tal-flamenco. Dan il-proġett kien frott ta’ kollaborazzjoni bejn għannejja Maltin u kumpanija taż-żfin lokali li tispeċjalizza fi żfin ta’ dan il-ġeneru. Dan sar b’investiment lejn il-wirt kulturali Malti biex jinżamm ħaj u rilevanti.

Poplu li għandu għal qalbu l-arti u l-kultura lokali

Iċ-chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, qal li s-suċċess tan-Notte Bianca 2022 juri biċ-ċar kemm il-poplu Malti għandu għal qalbu l-arti u l-kultura ta’ pajjiżna. 

Min-naħa tiegħu d-Direttur Artistiku Antoine Farrugia spjega li din l-edizzjoni tan-Notte Bianca kompliet tibni fuq l-edizzjonijiet preċedenti kemm fejn jidħol il-livell tal-proġetti ppreżentati, kif ukoll in-numru ta’ attivitajiet.  Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala spjegat li l-festival ta’ Notte Bianca huwa wieħed mill-ikbar li torganizza din l-aġenzija speċjalment minħabba l-fatt li jsiru għadd kbir ta’ attivitajiet f’post wieħed, f’lejla waħda.  Żiedet li, “dan kollu ma kienx ikun possibbli mingħajr il-ħidma bla heda tal-ħaddiema kollha ta’ Festivals Malta, il-ħaddiema tekniċi u mingħajr is-sapport ta’ entitajiet bħal Heritage Malta, il-Kunsill Lokali tal-Belt, il-Korp tal-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, ir-Red Cross, is-St John Ambulance, Transport Malta, il-LESA, u l-Awtorità tal-Artijiet”.

Sport