Wednesday, July 24, 2024

MAFA: Gowl ta’ Ledesma jagħti r-rebħa lil Valletta St Paul’s fid-derby tal-belt kapitali

Aqra wkoll

Gowl skorjat minn Rafael Ledesma kien biżżejjed sabiex Valletta St Paul’s jegħlbu lil Valletta Stars St Dominic fid-derby tal-kapitali.

Kienet partita missielta ferm bis-St Paul’s li dejjem kellu l-maġġoranza tal-pussess tal-ballun iżda bl-Istilel Beltin li bdew itellgħu kontrattakki li xi kultant kienu perikolużi.

Wara li l-ewwel taqsima ntemmet fi draw ta’ 0-0, it-tieni taqsima bdiet bl-aqwa mod possibbli għas-St Paul’s li marru minn fuq fl-54 minuta meta wara freekick mogħti tajjeb minn Nikolay Filipov, il-ballun wasal għand Lucas Mancuso li bir-ras indirizza lejn l-iżmarkat Rafael Ledesma li minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.

L-Istilel Beltin ippruvaw kemm setgħu forsi jġibu l-iskor indaqs iżda d-difiża tas-St Paul’s żammet sod sal-aħħar.

B’din ir-rebħa, Valletta St Paul’s issa jinsabu punt biss bogħod mil-leaders Swieqi Braves hekk kif intemm l-ewwel round.

Referee kien Milos Krstic.

San Ġiljan Saints u Senglea Gunners naqqsu milli jċaqilqu l-klassifika tagħhom hekk kif spiċċaw il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 0-0.

Is-Saints kellhom ħafna mill-pussess bit-tim mill-Isla li ppruvaw joħorġu b’xi kontrattakki. Minkejja kollox, iż-żewġ goalkeeper Stian Nielsen ta’ San Ġiljan Saints u Jurgen Cilia ta’ Senglea Gunners kienu f’forma mill-aqwa sabiex l-iskor baqa’ ma’ nfetaħx.

Wara dan ir-riżultat, San Ġiljan niżlu fil-ħames post tal-klassifika filwaqt li l-Gunners ħallew lil Marsa St Michael u Valletta Stars St Dominic fl-aħħar post.

Referee kien Alex Grech.

Ta’ Ġiorni Wanderers naqqsu milli jżommu l-pass mar-rivali għat-titlu Għaxaq Wolves hekk kif tilfu 2-0 kontra Attard Edex Kings. Dawn tal-aħħar irnexxielhom jiskorjaw wara li f’dawn l-aħħar partiti sabuha diffiċli jikkonvertu l-okkażjonijiet tagħhom f’gowls.

Juan David Bautista Conde poġġa lil Attard minn fuq fit-22 minuta sabiex Assan Jallow irdoppja l-iskor tmien minuti wara.

Referee kien Peter Abela.

F’partita bejn żewġ timijiet li jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika, Buġibba Club de SWAT u Żebbuġ Youngsters temmew l-ewwel round fi draw ta’ 0-0.

Iż-żewġ naħat ma rnexxielhomx jiskorjaw sabiex b’hekk irreġistraw it-tielet draw tal-istaġun bil-pożizzjoni tagħhom fil-klassifika li tibqa’ waħda inkwetanti.

Referee kien Jean Pierre Mifsud.

Fil-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Ħal Far Titans ħallew għall-aħħar sabiex għelbu lil Mosta Vikings 2-0. B’din ir-rebħa, issa huma fetħu vantaġġ ta’ ħames punti fil-klassifika fuq l-eqreb rivali tagħhom Ħamrun Amateurs.

Mosta kienu tajbin ferm fid-difiża għal siegħa sħiħa fejn żammew tajjeb lill-avversarji tagħhom għalkemm ikkrollaw fl-aħħar għaxar minuti fejn it-Titans skorjaw il-gowls rebbieħa.

Luke Busuttil fetaħ l-iskor fis-60 minuta sabiex Leon Delia rdoppja l-iskor għaxar minuti wara.

Referee kien Jonathan Balzan.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Swieqi Braves 14, Valletta St Paul’s 13, Balluta Barracudas 11, San Ġwann Pro Evolution Academy 10, San Ġiljan Saints 9, Senglea Gunners 7, Marsa St Michael, Valletta Stars 6.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 19, Ta’ Ġiorni Wanderers 11, Attard Edex Kings 9, Mqabba Albions 8, Gudja Wanderers 7, Birkirkara St Joseph 6, Żebbuġ Youngsters, Buġibba Club de SWAT 6.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Ħal Far Titans 16, Ħamrun Amateurs 11, Naxxar Victorians 6, Kalkara Flames, Mosta Vikings 2

Ekonomija

Sport