Iċ-champions Valletta St Paul’s bdew l-impenji tagħhom fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni bl-aqwa mod possibbli meta kisbu rebħa komda ta’ 3-0 kontra t-tim promoss ta’ Mqabba Albions.
Il-Beltin għamlu l-intenzjonijiet ċari sa mill-bidu u marru minn fuq wara biss seba’ minuti permezz ta’ Vitor Henrique. Erba’ minuti wara l-iskorer prolifiku Elton da Silva skorja t-tieni gowl sabiex l-ewwel taqsima għalqet 2-0.
Fit-tieni taqsima, is-St Paul’s ikkontrollaw tajjeb u sabu l-ħin jiskorjaw it-tielet gowl sitt minuti minn tmiem il-konfront grazzi għal Ian Zammit.
Referee kien Jean Pierre Mifsud.
Anke Marsa St Michael’s bdew l-istaġun 2024/25 bl-aħjar mod meta b’gowl f’kull taqsima għelbu lit-tim promoss l-ieħor ta’ Ta’ Ġiorni Wanderers.
Il-Marsin ikkontrollaw tajjeb il-logħba b’Ta’ Ġiorni li bdew joperaw ħafna bil-kontrattakki.
Marsa marru minn fuq fid-disa’ minuta permezz ta’ Nikola Neskovic sabiex tmien minuti minn tmiem il-partita Yessous Camilleri issiġġilla r-rebħa favur it-tim tiegħu.
Referee kien Gordon Barbara.
Fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni kellna logħba spettakolari bejn Valletta Stars St Dominic u Birżebbuġa St Peter’s AFC hekk kif l-iskor finali kien dak ta’ 6-6.
Kienet partita fejn l-attakkant kienu l-protagonisti prinċipali għalkemm ma kinitx il-ġurnata tad-difiżi rispettivi li kien hemm mumenti fejn inqabdu fuq sieq waħda u kkonċedew il-gowls.
Protagonista għal Birżebbuġa kien Junior Ohalewe li skorja tliet gowls b’David Ejiofor iżid tnejn oħra u b’Anthony Brown Sammut li għaqqad l-iskor għat-tim tiegħu.
Valletta kellhom lil Mohamed Abdukadir jiskorja doppjetta b’Damang Marena, Nemanja Stankovic, Alieu Bah u Klajdi Qose li komplew jiskorjaw aktar gowls għall-Beltin li fallew ċans tad-deheb fl-ewwel taqsima meta Deisler Azzopardi falla penalty.
Referee kien Lorry Sammut.
Anke Senglea Gunners bdew l-istaġun b’rebħa ta’ 4-3 kontra Attard Edex Kings. Ma kinitx xi rebħa faċli għat-tim mill-Kottonera li sa tmiem l-ewwel taqsima kienu 3-1 minn taħt. Iżda d-determinazzjoni tagħhom ippremjathom tant li kisbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun.
Kienu Senglea Gunners li marru minn fuq permezz ta’ Milan Grkovic sabiex f’temp ta’ 12-il minuta, Attard skorjaw tliet gowls b’doppjetta ta’ Miguel Acevedo u gowl ieħor ta’ Ifeanyi Wisdom.
Fit-tieni taqsima, l-Isla ħarġu ferm aggressivi u saħansitra rnexxielhom jiskorjaw tliet gowls permezz ta’ doppjetta ta’ George Frendo u gowl ieħor ta’ Andrea Rufa.
Referee kien Peter Abela.
Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Naxxar Victorians u t-tim debuttant ta’ St Paul’s Bay NMFC ikkanċellaw lil xulxin fi draw ta’ mingħajr gowls.
Iż-żewġ difiżi kienu ferm tajbin u kien għalhekk li l-ebda gowl ma ġie skorjat biż-żewġ naħat li ħadu punt kull wieħed.
Referee kien Alex Grech.
KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI
Valletta St Paul’s, Marsa St Michael, Għaxaq Wolves 3, San Ġiljan Saints, San Ġwann Pro Evolution Academy 1, Balluta Barracudas, Ta’ Ġiorni Wanderers, Mqabba Albions 0
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI
Gudja Wanderers, Senglea Gunners 3, Birżebbuġa St Peter’s AFC, Ħamrun Amateurs, Żebbuġ Youngsters, Valletta Stars St Dominic 1, Attard Edex Kings, Ħal Far Titans 0.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI
Swieqi United AFC 3, St Paul’s Bay, Naxxar Victorians 1, Qajjenza AFC, Mosta Vikings 0.