Monday, May 13, 2024

MAFA: Marsa St Michaels’ u Valletta St Paul’s jispiċċaw fi draw f’logħba tattika

Aqra wkoll

Iż-żewġ rivali eterni Marsa St Michael u Valletta St Paul’s temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 1-1 fl-iktar logħba mistennija mit-tielet ġurnata tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA.

Kienet logħba li laħqet il-qofol tagħha fit-tieni taqsima wara li fl-ewwel waħda, id-difiżi kienu l-protagonisti meta waqqfu lill-attakkanti rispettivi.

Ismael Grech poġġa lill-Beltin minn fuq fit-62 minuta sabiex Nikola Neskovic ġab l-iskor minn penalty sitt minuti wara.

B’dan ir-riżultat, il-klassifika għaż-żewġ naħat ftit inbidlet hekk kif Marsa St Michael jinsabu fir-raba’ post b’ħames punti b’Valletta St Paul’s punt warajhom.

Referee kien Darko Stankovic.

F’logħba mimlija gowls, San Ġiljan Saints kisbu t-tieni rebħa staġjonali wara li għelbu lil San Ġwann Pro Evolution Academy bl-iskor ta’ 5-3.

Il-Ġiljaniżi baqgħu jżommu l-konsistenza u f’din il-logħba urew is-saħħa tagħhom fl-attakk tant li huma l-iktar tim li skorja gowls f’din id-diviżjoni s’issa.

Mamadou Jawo poġġihom minn fuq wara tliet minuti logħob sabiex Radu Vlase irdoppja disa’ minuti wara.

Diego Da Silva naqqas il-marġni tal-iskor minn penalty fit-13-il minuta għalkemm Robert Veskimae kompla stabilixxa l-vantaġġ għas-Saints.

Qabel tmiem l-ewwel taqsima ġew skorjati żewġ gowls oħra wara meta Mamadou Jawo għamilhom 4-1 u ssiġġilla doppjetta personali sabiex Lilian Robin reġa’ skorja għal San Ġwann.

Fit-tieni taqsima, ir-ritmu tal-logħba naqas xi ftit għalkemm Marcus Crowther sab il-ħin jagħmilhom 5-2 b’Aimene Mustapha Ballaouane reġa’ naqqas il-marġni tal-iskor għal San Ġwann.

Referee kien Karl Stefan Galea.

Fit-tieni diviżjoni, spikkat ir-rebħa ta’ Ta’ Ġiorni Wanderers li għelbu lil Birkirkara St Joseph 4-0 f’logħba li huma ddominaw.

Samuel Vella u doppjetta ta’ Jacob Cassar Ellis stabilixxew vantaġġ ta’ 3-0 qabel tmiem l-ewwel taqsima sabiex eżatt mas-70 minuta, Matthew Farrugia ssiġġilla r-rebħa għal Ta’ Ġiorni Wanderers.

B’din ir-rebħa dawn tal-aħħar jinsabu fit-tieni post tal-klassifika, punt taħt il-leaders Għaxaq Wolves.

Referee kien Jean Pierre Mifsud.

Mqabba Albions kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun bi stil meta għelbu lil Buġibba Club de SWAT 1-0. It-tim mill-Imqabba kien ġej minn żewġ draws konsekuttivi u għalhekk ried jagħmel mezz biex joħroġ bit-tliet punti minn dan il-konfront.

Il-gowl li ddeċieda l-logħba ġie skorjat fis-27 minuta meta Shaun Abela daħal tajjeb fil-kaxxa u b’xutt tajjeb għeleb lill-goalkeeper ta’ Buġibba Club de SWAT.

Referee kien Lorry Sammut

Fit-tielet diviżjoni, Kalkara Flames u Mosta Vikings ħadu l-ewwel punt tal-istaġun meta f’partita divertenti temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 2-2.

Dawn iż-żewġ naħat kienu ġejjin minn żewġ telfiet konsekuttivi u dan il-konfront kien ċans kbir li jieħdu l-ewwel punti tagħhom.

Karl Muscat stabilixxa vantaġġ doppju għal Mosta meta skorja fil-21 u fis-26 minuta bl-ewwel taqsima tagħlaq 2-0 favurihom.

Fit-tieni taqsima, Kalkara ħarġu aggressivi u ġabu l-iskor indaqs l-ewwel minn Demsey Ferriggi u aktar tard minn Charlo Cesare.

Referee kien Alex Grech.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

San Ġiljan Saints, Swieqi Braves 7, Balluta Barracudas 6, Marsa St Michael 5, Valletta St Paul’s 4, Senglea Gunners 3, Valletta Stars 1, San Ġwann Pro Evolution Academy 0

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 7, Ta’ Ġiorni Wanderers 6, Gudja Wanderers, Mqabba Albions 5, Attard Edex Kings 3, Birkirkara St Joseph 2, Żebbuġ Youngsters, Buġibba Club de SWAT 1.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Ħal Far Titans 6, Ħamrun Amatuers, Naxxar Victorians 4, Mosta Vikings, Kalkara Flames 1

Sport