Wednesday, July 24, 2024

MAFA: San Ġwann PE Academy iwettqu double fuq Valletta SP

Aqra wkoll

San Ġwann Pro Evolution Academy kisbu double fuq Valletta St Paul’s meta fil-11-il ħarġa tagħhom fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni għelbuhom bl-iskor ta’ 1-0.

Din kienet it-tieni telfa konsekuttiva għall-Beltin li b’hekk naqqsu milli jitilgħu fl-ewwel post li issa hu okkupat minn Swieqi Braves.

L-uniku gowl tal-partita ġie skorjat żewġ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Diego Da Silva Leite li għeleb lill-goalkeeper Belti.

Fit-tieni taqsima, il-Beltin ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda d-difiża tal-istudenti Franċiżi żammew sod sabiex issa telgħu fir-raba’ post tal-klassifika.
Referee kien Gordon Barbara.

Marsa St Michael komplew bil-mument pożittiv tagħhom meta għelbu lit-tim tal-qiegħ Valletta Stars St Dominic 2-1.

Il-Marsin skorjaw żewġ gowls lejn l-aħħar tal-ewwel taqsima u l-bidu tat-tieni taqsima li kienu biżżejjed sabiex jieħdu t-tliet punti minn dan il-konfront. Minkejja li l-Beltin naqqsu l-marġni tal-iskor, ma rnexxielhomx almenu jieħdu punt bil-Marsin li kellhom difiża soda daqs l-azzar li ftit taw ċans lill-attakkanti avversarji.

Seedy Fofana u Lamin Modou skorjaw żewġ gowls inizjali għall-Marsin sabiex Jawneh Kawsu naqqas il-marġni tal-iskor għal Valletta Stars St Dominic.

Referee kien Peter Abela.

Fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni, hemm taqtiegħa ġmielha għal min se jiġi fit-tieni post tal-klassifika u għalhekk jakkumpanja lil Għaxaq Wolves fl-ewwel diviżjoni.

Mqabba Albions rebħu l-konfront dirett kontra Ta’ Ġiorni Wanderers b’gowl uniku ta’ Tellyon Grima fl-20 minuta logħob.

Ta’ Ġiorni dehru ftit konfużi għalkemm xorta bdew jattakkaw fit-tieni taqsima fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs iżda Mqabba riedu akkost ta’ kollox jieħdu xi ħaġa minn din il-logħba bil-goalkeeper tagħhom li żamm ix-xibka mhux mimsusa.

B’hekk issa Mqabba jinsabu fit-tieni post tal-klassifika wara dawn it-tliet punti li jiswew mitqlu deheb.

Referee kien Raymond Tabone.

Attard Edex Kings telgħu wkoll fit-tieni post tal-klassifika daqs l-Imqabbin wara li għelbu lit-tim tal-qiegħ Birkirkara St Joseph 2-1.

Protagonista għal Attard kien l-attakkant Kiran Das Vallikattu li skorja doppjetta bil-gowls jaslu fl-14 u fid-59 minuta u li dawru l-iskor favurihom wara li aktar qabel John Sammut kien poġġa lil Birkirkara minn fuq wara biss għaxar minuti.

Referee kien Lorry Sammut.

Fil-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Naxxar Victorians ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 mill-ġirien Mosta Vikings.

Kien Fabrizio Farrugia li poġġa lin-Naxxarin minn fuq sabiex Romarjo Hajdari ġab id-draw drammatiku għall-Mostin minuta qabel tmiem il-partita.

Referee kien Reno Galea.

Sadanittant, Buġibba Club de SWAT saru t-tmien kwarti finalista tan-Next Auto Car Sales Ltd MAFA KO wara li għelbu lil Kalkara Flames 2-1.

Din kienet l-ewwel telfa għas-sena 2024 għall-Kalkariżi li tant kienu sejrin tajjeb kemm f’din it-tazza kif ukoll fil-kampjonat.

Wara li l-ewwel taqsima ntemmet bla gowls, fil-45 minuta Buġibba marru minn fuq permezz ta’ Mohamed Afzal Pollikkoth sabiex seba’ minuti wara Roshan Pushparaj għamilhom 2-0.

Kalkara Flames naqqsu d-distakk permezz ta’ Gildave Brignone.

Referee kien Sillah Al Hasana.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Swieqi Braves 21, Valletta St Paul’s 19, Marsa St Michael 18, San Ġwann Pro Evolution Academy 16, Balluta Barracudas, San Ġiljan Saints 15, Senglea Gunners 11, Valletta Stars 7.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 31, Attard Edex Kings , Mqabba Albions 18, Ta’ Ġiorni Wanderers 17, Gudja Wanderers 11, Żebbuġ Youngsters 9, Birkirkara St Joseph, Buġibba Club de SWAT 7.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Ħamrun Amateurs 20, Ħal Far Titans 16, Kalkara Flames 11, Naxxar Victorians 10, Mosta Vikings 3

Ekonomija

Sport