Thursday, May 2, 2024

MAFA: Swieqi Braves fl-ewwel post wara rebħa fil-konfront dirett

Aqra wkoll

Swieqi Braves telgħu waħedhom fil-quċċata tal-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta rebħu l-konfront dirett kontra San Ġiljan Saints 2-0.

Kienet logħba li laħqet il-qofol tagħha fit-tieni taqsima, wara li l-ewwel 45 minuta kienu ferm tattiċi bid-difiżi jġibu fix-xejn lill-attakkanti rispettivi.

Iżda fit-tieni taqsima, Swieqi ħarġu tajjeb u fit-43 minuta marru minn fuq meta Lucas Dos Santos irċieva tajjeb min-nofs il-grawnd u filwaqt li avvanza fil-kaxxa llobbja minn fuq Stian Nielsen.

Sbatax-il minuta wara, it-tim Brażiljan irdoppja l-iskor meta kien l-istess Lucas dos Santos li avvanza u b’xutt fil-baxx għamilhom 2-0.

Referee kien Reno Galea.

Balluta Barracudas jinsabu issa fit-tieni post tal-klassifika wara li għelbu lil Senglea Gunners 2-1. Dawn tal-aħħar għaddejjin minn kriżi ta’ riżultati u huma d-dell tat-tim li rebaħ l-kampjonat fl-istaġun li għadda.

Il-Cudas, li għadhom kif ġew promossi f’din id-diviżjoni, qed ikollhom staġun pożittiv ferm s’issa u rnexxielhom idawru telfa f’rebħa b’mod verament tajjeb.

Kien Sebastian Montano li poġġa lil Senglea fil-vantaġġ fil-25 minuta sabiex fit-tieni taqsima, Rayson Vella kien żvinturat li xeħet il-ballun fix-xibka tiegħu stess wara attakk ta’ Balluta.

Dawn tal-aħħar skorjaw il-gowl tar-rebħa fid-49 minuta permezz ta’ penalty skorjat minn Sebastian Agius.

Referee kien Jean Pierre Mifsud.

Fit-tieni diviżjoni, il-leaders tal-kampjonat Għxaq Wolves sabuha ferm diffiċli sabiex jegħlbu lit-tim tal-qiegħ Żebbuġ Youngsters 1-0.

Kienet logħba fejn Għaxaq bdew jattakkaw iżda Żebbuġ bdew jiddefendu tajjeb filwaqt li bdew itellgħu kontrattakki perikolużi.

Il-gowl rebbieħ għal Għaxaq wasal għaxar minuti minn tmiem il-logħba meta s-sostitut Alexander Petrov kien żvinturat li bir-ras xeħet il-ballun fix-xibka tiegħu stess fost il-ferħ tal-plejers u diriġenti Għaxqin.

Referee kien Alex Grech.

Buġibba Club de SWAT kisbu l-ewwel rebħa tagħhom tal-istaġun wara li għelbu 1-0 lil Gudja Wanderers.

Wara taqsima fejn ma ġie skorjat l-ebda gowl, it-tim Indjan sabu l-gowl rebbieħ fl-64 minuta permezz ta’ Kirandas Kholatiparambil.

Referee kien Jonathan Balzan.

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Ħamrun Amateurs u Ħal Far Titans spiċċaw fi draw ta’ 1-1 fl-iktar logħba mistennija.

Il-Ħamruniżi kienu żvinturati li ma ħarġux fuq in-naħa rebbieħa hekk kif kien biss fl-aħħar li Ħal Far ġabu l-iskor indaqs.

Alexander Gomez Verala poġġa lill-Ħamruniżi minn fuq fis-26 minuta sabiex Colin Vella ġab l-iskor indaqs għat-Titans fil-ħin mogħti żejjed mir-referee.

Referee kien Gjorgji Bitri.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Swieqi Braves 10, Balluta Barracudas 9, San Ġiljan Saints 7, Marsa St Michael 5, Valletta St Paul’s 4, Senglea Gunners 3, Valletta Stars 1, San Ġwann Pro Evolution Academy 0

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 10, Ta’ Ġiorni Wanderers 6, Gudja Wanderers, Mqabba Albions 5, Attard Edex Kings, Buġibba Club de SWAT 4, Birkirkara St Joseph 2, Żebbuġ Youngsters 1.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Ħal Far Titans 7, Ħamrun Amateurs 5, Naxxar Victorians 4, Mosta Vikings, Kalkara Flames 1.

Sport