Valletta St Pauls irritornaw għar-rebħ bi stil hekk kif għelbu lil-leaders tal-klassifika San Ġiljan Saints bl-iskor ta’ 3-1.
Kienet rebħa mistħoqqa għat-tim mill-kapitali li għaraf jieħu vantaġġ mill-fatt li l-avversarji tagħhom lagħbu għal aktar minn siegħa b’raġel anqas filwaqt li kellhom lill-plejers tagħhom għatxana li jpattu għat-telfa ta’ ġimgħa qabel kontra Marsa St Michael.
Il-Beltin urew l-intenzjonijiet tagħhom sa mill-bidu għalkemm sa tmiem l-ewwel taqsima kien il-goalkeeper Ġiljaniż Ryan Kerr li salva diversi blalen indirizzati lejh.
Fit-tieni taqsima, il-Beltin ħarġu ferm aggressivi u marru minn fuq fit-53 minuta permezz ta’ Nikola Mitev b’Kane Psaila jirdoppja l-iskor erba’ minuti wara.
Ray Harper daħħal xi ftit tat-tama għall-Ġiljaniżi fit-68 minuta għalkemm fil-ħin mogħti żejjed mir-referee kien Tyron Borg li ssiġġilla r-rebħa finali.
Referee kien Reno Galea.
Aktar qabel Senglea Gunners għelbu lil Valletta Stars bl-iskor ta’ 2-0 sabiex issa jinsabu biss punt bogħod minn San Ġiljan Saints filwaqt li saħħew it-tieni post tal-klassifika.
It-tim mill-Kottonera mar minn fuq wara 60 sekonda logħob permezz ta’ Yakubu Bilali bl-istess plejer jirdoppja fil-55 minuta sabiex kien l-eroj għat-tim tiegħu.
L-Istilel Beltin ippruvaw jilagħbu l-logħba tipika tagħhom u bdew itellgħu kontrattakki perikolużi. Huma kienu mċaħħda minn penalty ċar meta xutt ta’ Fernandez ġie miżmum minn fuq il-linja b’id difensur ta’ Senglea bir-referee li minkejja kollox ħalla l-logħob għaddej.
Referee kien Georgi Bitri.
Żurrieq Sunrise ixxalaw u għelbu lil Qormi Hotspurs bl-iskor ta’ 7-0 f’logħba li huma ddominaw mill-bidu sal-aħħar. B’dawn it-tliet punti, iż-Żrieraq jinsabu biss żewġ punti bogħod mill-quċċata.
Protagonista għalihom kien il-plejer Kolombjan Rogger Patino Villada li kien awtur ta’ hat-trick b’Sebastian Morales li skorja doppjetta. Rudolf Santiago u Matthew Cassar għaqqdu l-iskor favur is-Sunrise.
Min-naħa tagħhom, Qormi Hotspurs għadhom qed ifittxu l-ewwel punti wara tmien ħarġiet.
Referee kien Joe Camilleri.
Marsa St Michael u Tal-Qroqq Versity Kamelasa temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 1-1. Kien riżultat li ma ssodisfa lill-ebda naħa li kellhom l-objettiv li jitilgħu aktar ‘il fuq fil-klassifika.
Wara taqsima fejn ma kellna l-ebda gowl, Marsa St Michael marru fil-vantaġġ fit-53 minuta permezz ta’ Sylvere Paillot.
Tal-Qroqq Versity Kamelasa żammew sod u ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Isaac Aaron Selam.
Referee kien Alex Grech.
Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Floriana Fsobians jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika għalkemm b’logħba aktar wara riżultat pożittiv ta’ 2-1 kontra Gudja Wanderers. Dawn tal-aħħar jistgħu jqisu ruħhom żvinturati li ma ħadux punt minn dan il-konfront hekk kif il-Furjaniżi skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa fil-ħin mogħti żejjed mir-referee.
Minkejja kollox, l-istess Fsobians kienu tajbin biżżejjed biex idawru l-iskor favurihom wara li sabu ruħhom minn taħt hekk kif Samet Bilgin ta’ Gudja Wanderers għeleb lil Matthew Camilleri mill-viċin.
Il-Furjaniżi kienu ferm aggressivi fit-tieni taqsima għalkemm kellhom jistennew sal-aħħar minuti sabiex dawwru telfa f’rebħa l-ewwel permezz ta’ Waylon Spiteri fis-67 minuta u eżatt mas-suffara finali Trevor Cilia jagħti t-tliet punti drammatiċi lit-tim tiegħu.
Referee kien Jonathan Balzan.
Ħal Far Sparks kisbu l-ewwel rebħa staġjonali meta għelbu lil Birkirkara St Joseph bl-iskor minimu iżda prezzjuż ta’ 1-0.
Il-gowl li ddeċieda l-partita ġie skorjat fit- 33 minuta minn Mane Mamadi.
Referee kien Lorry Sammut.
KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI
San Ġiljan Saints 19, Senglea Gunners 18, Żurrieq Sunrise 17, Valletta St Pauls 13 Marsa St Michael 11, Valletta Stars 7, Tal-Qroqq Versity Kamelasa 7, Qormi Hotspurs 0
KLASSIFIKA MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI
Floriana Fsobians 16, Swieqi Braves, Żabbar Southsiders 15, Ta’ Ġiorni Wanderers 10, Birkirkara St Joseph, Ħal Far Sparks 4, Gudja Wanderers 2,