Valletta St Paul’s bdew l-impenji tagħhom fil-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA bl-aħjar mod possibbli meta għelbu lil Attard Edex Kings 4-0, filwaqt li Senglea Gunners kisbu l-akbar rebħa tat-tieni ġurnata b’suċċess kbir ta’ 8-1 fuq Swieqi United. San Ġiljan Saints u Marsa St Michael temmew il-konfront tagħhom fi draw ta’ 1-1.
Valletta St Paul’s jibdew b’rebħa konvinċenti
Wara li kellhom bye fl-ewwel ġurnata, Valletta St Paul’s fetħu l-kampjonat tagħhom b’rebħa kbira ta’ 4-0 kontra Attard Edex Kings.
Andrew Ejike Obetta fetaħ l-iskor fit-18-il minuta biex ta l-vantaġġ lil Valletta St Paul’s.
Fit-tieni taqsima Valletta komplew jiddominaw u Diego Fernando Pereira b’rovexxjata sabiħa għamilhom 2-0 fit-38 minuta, filwaqt li Charles Samson Chibuike żied it-tielet gowl sitt minuti wara. Da Silva Jean Gustavo għalaq il-partita bis-siġill tar-raba’ gowl fis-60 minuta.
Referee: Roderick Micallef.
Senglea Gunners iwieġbu bi tmien gowls
Wara t-telfa ta’ 2-1 kontra San Ġiljan Saints fl-ewwel ġurnata, Senglea Gunners wieġbu bil-kbir hekk kif għelbu lil Swieqi United 8-1.
Seedy Fofana fetaħ l-iskor wara erba’ minuti biss, b’Ali Oularbi jagħmilhom 2-0 fl-14-il minuta. Lamin Jaiteh żied it-tielet fit-22 minuta u Ousman Jallow skorja r-raba’ gowl tliet minuti wara.
Fit-tieni taqsima Perry Nehmiah u Ayoubah Fona komplew iżidu mal-vantaġġ tas-Sengleani. Mark Martin skorja l-uniku gowl ta’ Swieqi fit-63 minuta, iżda Jallow reġa’ sab ix-xibka biex kiseb doppjetta personali, filwaqt li Jose David Diaz Urango ukoll niżżel ismu fost l-iskorers.
Punt kull wieħed għal San Ġiljan u Marsa
San Ġiljan Saints u Marsa St Michael temmew il-konfront tagħhom fi draw ta’ 1-1.
Marsa marru fil-vantaġġ permezz ta’ Mohamed Taher Amri fil-25 minuta, iżda San Ġiljan irreaġixxew fit-tieni taqsima u Ionut Popescu ġab id-draw fl-54 minuta.
Referee: Alhasana Sillah.
Balluta Barracudas jimpressjonaw fit-Tieni Diviżjoni
Fit-Tieni Diviżjoni, Balluta Barracudas kellhom bidu mill-aqwa meta għelbu lil Gudja Wanderers 5-1, b’Andrea Lorefice ikun il-protagonist assolut b’erba’ gowls.
Lorefice fetaħ l-iskor fit-tmien minuta, iżda Marco Antonio Bravo Ortiz ġab id-draw għal Gudja fit-28 minuta.
Wara l-mistrieħ Balluta ħadu l-kontroll. Lorefice reġa’ poġġihom fil-vantaġġ fis-37 minuta, Matthew Muscat għamilhom 3-1, filwaqt li Lorefice skorja darbtejn oħra biex għalaq il-partita b’erba’ gowls personali.
Referee: Jonathan Balzan.
Fl-istess diviżjoni, Naxxar Victorians u Sliema NB spiċċaw 0-0, riżultat li jfisser li t-tnejn baqgħu bla telfa wara żewġ partiti. Jean Pierre Mifsud kien ir-referee.
Intant, San Ġwann Pro Evol Academy u Ħamrun Sporting spiċċaw ukoll fi draw 1-1. Salifou Diallo poġġa lil San Ġwann fil-vantaġġ wara sitt minuti, iżda Denis Duha ġab id-draw għal Ħamrun fid-29 minuta.
Għal San Ġwann dan kien it-tieni draw konsekuttiv wara dak ta’ 1-1 kontra Gudja Wanderers fl-ewwel ġurnata.
Referee: Lorry Sammut.




