Dalgħodu beda l-ġuri dwar il-qtil ta’ Lassine Cisse Souleymane fejn Lorin Scicluna qiegħed jiġi akkużat b’dan il-qtil.
Lorin Scicluna ta’ 29 sena li meta seħħ il-każ kien suldat mal-Forzi Armati ta’ Malta, qed jiġi mixli b’disa’ kapi t’akkużi – fosthom bl-omiċidju volontarju ta’ Lassine Cisse Souleymane, bl-attentat ta’ qtil ta’ Mohammed Jallow, bl-attentat ta’ qtil ta’ Ibrahim Bah, li kkawża ġrieħi gravi lil Mohammed Jallow b’arma regolari, li kkawża feriti ta’ natura ħfief fuq Ibrahim Bah permezz ta’ arma regolari, li kien fil-pussess ta’ arma tan-nar waqt il-kummissjoni ta’ delitt, l-attentat ta’ qtil ta’ May Malimi u li kkawża feriti ta’ natura gravi fuq May Malimi u kif ukoll użu ta’ vettura mingħajr pjanċi ta’ reġistrazzjoni.
Il-prosekuzzjoni qed titlob li f’każ ta’ ħtija, l-imputat jiġi kkundannat għomru l-ħabs.
B’rabta ma’ dan il-każ, hemm ukoll mixli Francesco Fenech, li wkoll għandu jgħaddi ġuri, imma l-proċeduri fil-konfront tiegħu se jkunu separati.
Lassine, kellu 42 sena, kien missier ta’ tliet itfal, u kien mill-Kostja tal-Avorju.
Lorin Scicluna qed iwieġeb mhux ħati.
