Monday, May 6, 2024

MAFA: Valletta St Paul’s jirbħu konfront dirett kontra Senglea Gunners

Aqra wkoll

Valletta St Paul’s jinsabu biss punt bogħod mil-leaders Marsa St Michael hekk kif rebħu l-konfront dirett kontra Senglea Gunners bl-iskor ta’ 1-0.

Kienet logħba ferm mistennija bejn żewġ timijiet li kienu viċin xulxin fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika. Fl-ewwel taqsima, iż-żewġ naħat kellhom diversi okkażjonijiet lejn il-lasti avversarji bil-goalkeepers Jianiro Camilleri għal Valletta u Ludvic Fardell għal Senglea li wettqu saves tajbin.

Fit-tieni taqsima, Valletta ħarġu ferm tajjeb u marru fil-vantaġġ fis-57 minuta meta kien Andre Farrugia li daħal fil-kaxxa u b’xutt bomba għeleb lil Fardell.

Senglea bdew jagħfsu sabiex iġibu l-gowl tad-draw u lejn l-aħħar huma pprotestaw għall-penalty meta xutt ta’ Owen Galea deher jaħbat ma’ id plejer ta’ Valletta iżda r-referee ħalla l-logħob għaddej.

Referee kien Lorry Sammut.

Sadanittant Marsa St Michael huma l-leaders assoluti ta’ din id-diviżjoni meta għelbu lit-tim tal-qiegħ Żebbuġ Youngsters bl-iskor ta’ 6-1.

Il-Marsin iddominaw mill-bidu sal-aħħar dan il-konfront u sal-ewwel taqsima kienu diġa’ 4-1 minn fuq.

L-eroj għall-Marsin kien Uchechi Chidozie li kien awtur ta’ erba’ gowls. Milos Andelkovic u awtogowl ta’ Kirsten Said żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.

L-attakkant Brażiljan Leandro Rodriguez kien poġġa fil-vantaġġ liż-Żebbuġin.

Referee kien Jonathan Balzan 

San Ġwann Pro Evolution Academy reġgħu telgħu man-naħa ta’ fuq tal-klassifika meta għelbu lil Mqabba Albions 2-1.

Ma kinitx logħba faċli għall-istudenti Franċiżi li sabu lill-Imqabbin ferm sodi għalkemm lejn l-aħħar irnexxielhom isibu l-gowl rebbieħ li tahom it-tliet punti finali.

Kien Michel Florian Bastin li poġġa lil San Ġwann minn fuq sabiex Gibril Khalifa ġab l-iskor indaqs għal Albions.

Fit-63 minuta, San Ġwann skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa permezz ta’ Ilyas Khoussi fost il-ferħ tal-plejers u diriġenti tal-klabb.

B’din ir-rebħa, San Ġwann laħqu lil San Ġiljan Saints fir-raba’ post tal-klassifika bl-Imqabbin li jinsabu fil-post ta’ qabel tal-aħħar.

Referee kien Alex Grech.

Tal-Qroqq Versity Kamelasa ħasdu liċ-champions San Ġiljan Saints hekk kif għelbuhom 4-3. Kien riżultat diżappuntanti għas-Saints speċjalment wara li fl-aħħar ħarġa tagħhom rebħu lil Valletta St Paul’s. Fuq kollox, huma tilfu vantaġġ ta’ żewġ gowls meta kienu 3-1 minn fuq b’Tal-Qroqq li wettqu rimonta liema bħalha sabiex kisbu tliet punti ferm importanti għall-klassifika tagħhom.

Ethan Goodman u Louis Cedric Cessari fetħu vantaġġ doppju għal San Ġiljan qabel Larry Gorgi naqqas il-marġni tal-iskor għal Kamelasa.

Radu Vlase reġa’ skorja għas-Saints sabiex fit-tieni taqsima bdiet ir-rimonta ta’ Tal-Qroqq Versity Kamelasa li sabu x-xibka tliet darbiet minn doppjetta ta’ Lucas Heilmann u Armenak Tueysuez.

Referee kien Peter Abela.

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Attard Edex Kings komplew jagħmlu pass importanti lejn ir-rebħ tal-kampjonat meta għelbu lil Gżira United Sports Club 1-0.

Il-gowl uniku ġie skorjat mill-aqwa skorer tal-kampjonat Rajpal Singh fid-29 minuta.

Referee kien Darko Stankovic.

Għaxaq Wolves saħħew it-tieni post tal-klassifika meta b’gowl f’kull taqsima għelbu lil Buġibba Club de SWAT.

Kien Diego Pereira li poġġa lil Għaxqin minn fuq fit-22 minuta sabiex Marlon Farrugia rdoppja l-iskor fis-66 minuta.

Referee kien Gjorgji Bitri.

Sport