Tuesday, May 14, 2024

Mal-20% tal-vittmi li fittxew l-għajnuna minħabba vjolenza domestika fl-2020 kienu taħt it-30 sena 

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Madwar 20% tal-vittmi li fittxew l-għajnuna minħabba l-vjolenza domestika fl-2020 kienu taħt it-30 sena. Dan ħareġ mir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika li ġie ppreżentat ilbieraħ. F’dan ir-rapport jingħata wkoll rendikont tal-ħidma li saret mill-Kummissjoni matul is-sena li għaddiet. 

Mir-rapport joħroġ li żdiedu l-ammont ta’ persuni li għamlu użu mis-servizzi offruti relatati mal-vjolenza domestika. Fil-fatt, l-istatistika turi li bejn l-2016 u l-2020 żdiedu kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel li għamlu użu minn dawn is-servizzi.

Fit-tnedija tar-rapport, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet li dan il-Gvern huwa kommess li jintensifika l-ħidma tiegħu sabiex ikollna soċjetà aktar ġusta u li tirrikonoxxi l-vjolenza domestika u dik abbażi tal-ġeneru. 

Hija semmiet it-twaqqif ta’ Taqsima speċjalizzata fi ħdan il-Korp tal-Pulizija li kienet pass importanti biex illum il-Korp joffri servizz speċjalizzat lil vittmi ta’ vjolenza domestika. 

“Fil-fatt rajna żieda fin-numru ta’ rapporti mindu twaqqaf dan is-servizz. Qed naraw li aktar vittmi qed jersqu ‘l quddiem biex jirrapportaw,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Hija qalet ukoll li ssaħħew is-servizzi legali biex dawk il-vittmi li sfortunatament minħabba ċirkostanzi tagħhom ma jkunux f’pożizzjoni li jqabbdu avukat, ikunu jistgħu jagħmlu użu minn għajnuna legali bla ħlas. Apparti minn hekk, twaqqfet ukoll l-Aġenzija ta’ Appoġġ għall-Vittmi.

Is-Segretarju Parlamentari żiedet tgħid li matul is-sena li għaddiet, il-Kummissjoni ħadmet ħafna fuq it-taħriġ u l-edukazzjoni. “Waqt li huwa fid-dover tagħna li nkomplu nsaħħu s-servizzi offruti lill-vittmi, jeħtieġ nagħmlu dak kollu possibbli biex nedukaw u nipprevjenu l-possibiltà li qatt iseħħ reat.”

Hija semmiet ukoll il-proġett pilota “Safe Dates” li tnieda ftit tax-xhur ilu li se jkun ta’ bażi importanti biex nedukaw il-ġenerazzjonijiet li jmiss dwar x’inhuma s-sinjali ta’ abbuż f’relazzjoni u kif wieħed għandu jġib ruħu f’sitwazzjonijiet bħal dawn. Dan il-proġett jinsab fl-ewwel fażi tiegħu u fix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni se tkun qiegħda tevalwa r-riżultati tiegħu. 

Is-Segretarju Parlamentari saħqet ukoll li minn analiżi li saret, il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa li jingħata taħriġ fuq vjolenza li ssir mit-tfal fuq il-ġenituri tagħhom, fenomenu ġdid li qed jiltaqgħu miegħu aktar spiss u għalhekk kienu pro-attivi biex jingħata taħriġ f’dan ir-rigward. 

Il-Kummissarju għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri

Min-naħa tagħha, il-Kummissarju għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri enfasizzat l-importanza ta’ bidla fil-kultura li twassalna nkunu aktar miftuħin għar-riflessjoni dwar l-imġiba tagħna fil-ħajja ta’ kuljum, l-empatija, kif ħaddieħor jista’ jesperjenza n-nuqqas ta’ rispett, diskriminazzjoni, abbuż u anke vjolenza.

“Il-missjoni tagħna li nkomplu nistimulaw id-dibattitu u l-azzjoni meħtieġa dwar il-vjolenza abbazi tal-ġeneru u vjolenza domestika fis-soċjetà tagħna. L-edukazzjoni u t-taħriġ huma essenzjali biex titwettaq din il-bidla,” qalet Dr Friggieri.

Hija fakkret ukoll li matul l-2021, il-Kummissjoni organizzat taħriġ għal professjonisti varji li b’xi mod imissu mal-vjolenza domestika, ikkordinat il-kampanja ta’ 16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika u anke ġew inawgurati l-uffiċini ġodda tagħha f’Ħal Qormi.

Sport