Sunday, December 22, 2024

Malta b’iżjed koperazzjoni kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-ugwaljanza għall-persuni LGBTIQ+

Aqra wkoll

Malta ser tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja volontarja għal żewġ programmi tal-Kunsill tal-Ewropa, bil-għan li tissaħħaħ il-ħidma fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Il-ftehim ġie ffirmat fi Strasburgu mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, u d-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Bjorn Berge.

B’din il-kontribuzzjoni finanzjarja, Malta ser tkun qed tappoġġa l-ħidma tal-grupp ta’ esperti tal-Kunsill tal-Ewropa magħruf bħala SOGI, li jsegwi temi ta’ ugwaljanza u drittijiet ċivili għal persuni LGBTIQ+, kif ukoll il-programm ta’ taħriġ li jingħata lill-istati membri fejn jibbenifikaw minn assistenza teknika sabiex jiġġieldu l-vjolenza kontra n-nisa u jgħinu aktar lill-vittmi tal-vjolenza domestika.

Matul iż-żjara tagħha fi Strasburgu, is-Segretarju Parlamentari Buttigieg kellha sensiela ta’ laqgħat ma’ uffiċċjali tal-Kunsill tal-Ewropa, fosthom ma’ rappreżentanti tal-GREVIO, GRETA u ECRI. Dawn id-diskussjonijiet ikopru suġġetti marbutin max-xogħol favur id-drittijiet tal-bniedem u l-ħidma tas-Segretarjat Parlamentari biex fost oħrajn jiġu implimentati bis-sħiħ l-konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa.

Mas-Segretarju Eżekuttiv tal-GREVIO, li huwa l-Grupp ta’ Esperti dwar il-vjolenza fuq il-mara li qed isegwi l- implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, is-Segretarju Parlamentari Buttigieg tkellmet dwar riformi legali u kampanji ta’ għarfien u taħriġ lill-frontliners biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u biex tkompli tikber il-prevenzjoni fost oħrajn permezz ta’ liġi ġdida li daħlet fis-seħħ, biex persuna tista’ titlob jekk is-sieħeb jew sieħba wettqux reati ta’ vjolenza domestika fil-passat.

F’sessjoni oħra ma’ uffiċċjali eżekuttivi tal-Kunsill tal-Ewropa, ġew diskussi l-inizjattivi ta’ Malta mill-qasam tad-drittijiet ċivili tal-persuni LGBTIQ+ fosthom l-istrateġija nazzjonali 2023-2027 għal iktar ugwaljanza u t- tisħiħ tal-liġi kontra prattiċi qarrieqa ta’ prattiċi ta’ konverżjoni fuq persuni LGBTIQ, li għaddiet mill-Parlament ftit xhur ilu.

Temi oħra ewlenin trattati mis-Segretarju Parlamentari fi Strasburgu kienu l-ħidma li qed titwettaq minn Malta kontra t-traffikar uman u r-razziżmu. Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li Malta tħaddan l-istess valuri tal-Kunsill tal-Ewropa li huma d-demokrazija, is-saltna tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u ser tkompli taħdem id f’id mal-organi tal-Kunsill biex dawn il-prinċipji jkompli jissaħħu.

Ekonomija

Sport