Tuesday, November 3, 2026
Home Fehmietna MALTA F’KUNTRAST MA’ BLIET EWROPEJ

MALTA F’KUNTRAST MA’ BLIET EWROPEJ

0
72

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, diversi bliet Ewropej reġgħu nħakmu minn dimostrazzjonijiet ta’ protesta partikularment kontra l-għoli tal-ħajja u tnaqqir tal-kundizzjonijiet tal-għajxien. Dimostrazzjonijiet li ilhom għaddejjin tliet ġimgħat infila imma li fil-maġġoranza tagħhom kienu paċifiċi, anki jekk f’oħrajn inbidlu f’irvellijiet u vjolenza. 

Dawn il-protesti mhumiex biss reazzjoni għal żieda fil-prezzijiet tal-prodotti essenzjali u l-fjuwil iżda jirriflettu aktar skuntentizza li qiegħda dejjem tikber fost iċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi li qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ispejjeż ta’ kuljum. 

Huwa minnu li l-gvernijiet Ewropej qed jaffaċċjaw sfidi ekonomiċi kumplessi, l-iktar minħabba l-kriżi tal-enerġija, iżda ċ-ċittadini jemmnu li m’għandhomx ikunu huma li jbatu l-konsegwenzi ta’ din is-sitwazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-vjolenza m’għandha qatt tkun il-mezz biex xi ħadd iwassal il-messaġġ tiegħu jew jesprimi n-nuqqas ta’ qbil ma’ xi miżuri. 

Minkejja dan il-maltemp kollu lil hinn minn xtutna, li f’xi waqtiet jinħass ukoll f’pajjiżna, f’Malta m’għandniex dawn il-protesti u dan grazzi għall-Gvern li qiegħed jerfa’ huwa l-piż sostanzjali tal-ispiża sabiex familji sħaħ u negozji ma jkollhomx għalfejn iġorru waħedhom il-konsegwenzi ta’ dawn l-isfidi internazzjonali. 

Il-politika soċjali u l-għajnuna u l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils tibqa’ waħda mill-aktar miżuri fiskali kruċjali. L-ispiża fuq dawn is-sussidji biss diġà qorbot lejn l-€400 miljun din is-sena u għas-sena d-dieħla hemm allokat l-istess ammont għall-istess għan.  Dawn huma somom ta’ flus mhux żgħar. B’danakollu nemmnu li l-poplu jista’ jifhem x’kien se jkun il-prezz li pajjiżna jkollu jħallas, li kieku ma sarx dan l-investiment. 

Għalhekk u jekk xejn, permezz tal-Budget 2027, il-Gvern qiegħed jerġa’ jagħti l-garanzija ta’ serħan tal-moħħ lill-Maltin u l-Għawdxin kif ukoll lin-negozji. Il-Budget li għadu kif tressaq jinkludi fiħ ħemel ta’ miżuri oħra li se jkunu qed jiġu introdotti għall-ħaddiema, inkluż is-Super Bonus u t-tnaqqis fit-taxxa għall-ġenituri li jaħdmu. 

Wara kollox, kif spjega tajjeb il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana nnifsu, il-kejl tas-suċċess mhuwiex biss dwar b’kemm tkun kibret l-ekonomija, imma kemm l-ekonomija tgħin biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin u l-benesseri tagħhom. 

Il-progress veru u mobilità soċjali ta’ poplu jseħħ meta l-ġid kollu li tiġġenera l-ekonomija jilħaq lill-faxex kollha tas-soċjetà aktar u aktar lil dawk li jifilħu l-inqas. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here