Budget li jwieżen: Ħarsa lejn il-miżuri għall-pensjonanti u persuni b’diżabilità

Aqra wkoll

Il-Budget li tħabbar proprju fil-bidu ta’ din il-ġimgħa kompla fejn ħallew il-Budgets ta’ qabel: Kompla jwieżen u jagħti aktar dinjità lil dawk li għandhom dħul baxx u huma finanzjarjament vulnerabbli. Fost l-aktar żewġ faxex li se jgawdu hemm ir-romol u dawk il-pensjonanti nisa li ma għandhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet biex ikollhom pensjoni. Dawn tal-aħħar, sa 14-il sena ilu biss, ma kellhom ebda dħul għajr bonus ta’ €300 li l-Gvern baqa’ jżid Budget wara l-ieħor, bil-minimu mħabbar fl-aħħar Budget ikun ta’ €933 fis-sena. 

Issa grazzi għall-wirt ta’ bolol bejn il-konjugi anzjana jista’ jkollha pensjoni għall-ewwel darba. Dan ifisser li numru ta’ anzjani se jkollhom pensjoni ta’ kważi €5,000  – għall-ewwel darba. Din timmarka żieda ta’ madwar €4,000 għal dan il-persuni.

Fil-qasam tad-diżabilità wkoll, il-Gvern qed iwettaq il-wegħda li jkopri l-ispejjeż kollha tat-terapija għal tfal b’diżabilità. 

It-Torċa tat ħarsa lejn ħames realtajiet u kif dan il-Budget se jkun qed jimmpattahom. 

  1. Toni huwa intitolat għal pensjoni taż-żewġ terzi u martu, Dorothy, ser tibda tirċievi l-pensjoni għall-ewwel darba għax permezz ta’ miżura fil-baġit ser tkun tista’ tiret kontribuzzjonijiet żejda milli kellu żewġha 

Toni ser jieħu żieda ta’ €10 fil-ġimgħa fil-pensjoni kif ukoll żieda oħra ta’ €2.62 fil-ġimgħa fil-bonus li jitħallas mal-pensjoni.   

Dorothy kienet taħdem f’fabbrika iżda kellha titlaq mix-xogħol mat-twelid tal-ewwel wild u għalhekk ma’ kellhiex kontribuzzjonijiet biżżejjed biex tikkwalifika għal pensjoni.  Iżda, bis-saħħa ta’ miżura ġdida mis-sena d-dieħla ser ikun possibbli għaliha li ssir pensjonanta għaliex ser tkun tista’ tiret kontribuzzjonijiet żejda li kellu żewġha.  Għalhekk minflok il-bonus ta’ darba fis-sena ta’ €933, issa ser ikollha pensjoni li b’kollox ser tkun ta’ €4,932 bil-bonusijiet ukoll – żieda ta’ €3,982.

Għalhekk, il-koppja barra li ser tkun intitolata għal ħlas ta’ €672 bħala COLA addizzjonali, ser ikollhom żieda fid-dħul ta’ €4,638.

  1. Albert huwa intitolat għal pensjoni taż-żewġ terzi massima u martu Salvina tieħu l-bonus annwali ta’ dawk li ma jieħdux pensjoni 

Toni ser jieħu żieda ta’ €10 fil-ġimgħa fil-pensjoni.   Barra minn hekk, għal sena oħra il-pensjoni tiegħu ser tkompli tiżdied bis-saħħa ta’ proċess li jinsab għaddej biex jonqos id-distakk fid-dħul pensjonabbli massimu bejn dawk li twieldu qabel l-1962 u wara.  Fil-każ ta’ Toni se jirċievi żieda oħra ta’ €12 fil-ġimgħa.

Salvina kienet taħdem għal xi żmien iżda telqet mix-xogħol mat-twelid tal-ewwel wild u għalhekk ma’ kellhiex kontribuzzjonijiet biżżejjed biex tikkwalifika għal pensjoni.  Iżda, bis-saħħa ta’ miżura ġdida s-sena d-dieħla il-bonus tagħha se jiżdied bil-COLA jew €333.40.

Għalhekk id-dħul ta’ din il-koppja fl-2027 se jiżdied b’ €1,477.

  1. Christopher pensjonant b’dizabilita’

Christopher li hu ġuvni kien intitolat għall-Assistenza għad-Diżabilita’ Severa u meta rtira s-sena l-oħra mal-pensjoni tal-irtirar baqa’ ntitolat għal 10% tal-benefiċċju li kien qed jirċievi. 

Barra ż-żieda fil-pensjoni ta’ €10 fil-ġimgħa u €2.79 fil-Bonus tal-għoli tal-ħajja, mis-sena d-dieħla ser igawdi minn żieda oħra ta’ €15.68 permezz tal-miżura li biha l-assistenza tad-diżabilitá ser tiżdiedlu b’10 fil-mija oħra.  Din ser tkun l-ewwel minn sensiela ta’ żidiet fir-rata biex finalment tilħaq 50 fil-mija tal-benefiċċju.

Flimkien mal-COLA addizzjonali ta’ €278 u Allowance Supplimentari ta’ €749, matul l-2027 id-dħul tiegħu ser jiżdied b’ €1,480. 

  1. Charles u Elaine, koppja mpjegati b’paga minima u għandhom żewġt it-tfal

Id-dħul tagħhom mill-impjieg globalment ser jitla’ b’madwar €974 netti fis-sena b’ riżultat taż-żieda għall-għoli tal-ħajja ta’ €6.41 u żieda addizzjonali fil-paga minima ta’ €4 fil-ġimgħa skont il-ftehim milħuq fl-2023 mal-imsieħba soċjali.

Barra minn hekk, bħala impjegati huma wkoll ser jirċievu l-ħlas ta’ €1,000 kull wieħed bħala super bonus għal bżulija tagħhom.  U peress lit-tnejn qegħpopdin fuq il-paga minima, ma jħallsux taxxa.

Huma ser ikollhom dħul ieħor ta’ €5,653 fiċ-Children Allowance u mill-Inwork Benefit għaż-żewġt ulied.  Huma initolati wkoll għall-COLA addizzjonali li b’kollox ser tkun ta’ € 1,210.

Għalhekk, id-dħul tal-familja tagħhom ser jiżdied b’ €2,974, u magħhom ser ikollhom ħlas ta’ €6,863 f’pagamenti taċ-Children Allowance, In-Work Benefit u l-COLA addizzjonali minbarra ż-żewġ pagi netti ta’ €22,450.

  1. Adrian u Roberta, it-tnejn impjegati full-time bi dħul bejniethom ta’ €35,000 b’tifla ta’ 14-il sena.

Matul is-sena d-dieħla ser ikollhom żieda mill-impjieg bejniethom ta’ €1,100 bejn COLA u żieda tal-ftehim kollettiv u ser jibbenefikaw minn €2,000 Super Bonus.

Mill-In work Benefit u ċ-Children’s Allownace ser jirċievu €1,569 waqt li COLA addizzjonali se jieħdu €649.

Għalhekk matul is-sena, id-dħul tagħhom se jiżdied bi €3,100 waqt li se jirċievu €2,218 f’benefiċċji.

Dan filwaqt li grazzi għall-parent rate l-ġdida, din il-koppja se tiffranka wkoll €1,941 f’income tax. Biex imbagħad mill-2028 il-familja ma tibqax tħallas income tax.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport