Budget Checkmate

– l-eks Prim Ministru Joseph Muscat

Aqra wkoll

L-eks Prim Ministru, Joseph Muscat fir-reazzjoni tiegħu għall-baġit iddikjara li “dak ippreżentat mill-Ministru Clyde Caruana nhar it-Tnejn li għadda aktarx kien l-aktar baġit politiku li wieħed jista’ jiftakar.  Dan għax minbarra tħabbiriet ta’ policies, qaleb il-mejda fuq waħda mill-aktar kwistjonijiet jaħarqu u li tħalliet tbaqbaq fis-soċjetà u l-ekonomija Maltija, dik tal-barranin.”

Tenna li “t-triq preferuta tiegħi kienet u għadha li wieħed jikkonvinċi li min jiġi hawn jiġi għax għandna bżonnu u b’job lest minn qabel għal xogħol li m’hawnx biżżejjed Maltin biex jagħmluh jew li ma jridux jagħmluh.  Iżda dak li għamel il-Ministru kien li sejjaħ il-bluff ta’ dawk kollha li ilhom jibbażaw fuq il-barranin għan-negozju tagħhom u li baqgħu siekta jew saħansitra rewwħu dwar il-famuża ‘overpopulation’”.  

L-eks Prim Ministru qal li “minflok qalu li overpopulation hija meta jkollok nies jokkupaw l-ispazju għalxejn u mhux jaħdmu, dawn it-talin qatt ma fetħu ħalqhom meta l-Oppożizzjoni mbarkat fuq din il-kantaliena.  Anzi kienu jitbissmu minn taħt u jitkellmu dwar sostenibbiltà.   Uħud minnhom stess bdew irewwħu l-idea li saħansitra għandna wisq turisti u ġej l-imbarazz hawn Malta.  Stampa esaġerata mgħejjuna minn episodji kundannabbli ta’ żgħażagħ jitbellħu u jivvandalizzaw.  Ftit għexieren jew ejja ngħidu mijiet fuq l-4 miljuni li iżuru pajjiżna.”

Tenna li “l-Ministru tal-Finanzi prattikament intaxxa dawn iż-żewġ fenomeni.  Ir-raġunament tiegħu kien li jekk għandna overpopulation, dawn il-miżuri jgħinu biex inaqqsuha.  Iżda jekk, kif naħseb jien, l-ekonomija għandha bżonn lil dawn il-ħaddiema, se jinġabru aktar flus. L-istess raġunar għat-turiżmu.  Jekk għandna l-imbarazz ġej, u għandna wisq turisti, din it-taxxa se tgħin biex neħilsu minnhom.  Jekk le, se jingabru aktar flus biex ikollna infrastruttura li tlaħħaq aħjar magħhom.”

Kompla jgħid li “issa għal pseudo Soċjalisti li jgħidu li qed ngħabbu lil l-ħaddiema barranin b’piżijiet żejda, ngħid li t-tħassib tagħhom mhux f’loku.  Hawn xi ħadd li jaħseb li ż-żieda fl-ispejjeż fuq il-barranin mhux se jwasslu għal żieda fil-pagi tagħhom, u li dawn il-pagi mhux se jwasslu għal żieda fil-prezzijiet?  Prezzijiet ogħla min se jħallashom?  Il-konsumaturi, ewlenin fosthom il-Maltin.  Jiġifieri inkwiet Soċjalist ġenwin għandu jkun fuq l-għoli tal-ħajja li hija taxxa fuq il-fqir.  L-uniku alternattiva hija li l-ispejjeż żejda jassorbuhom in-negozji jekk għandhom il-ħila u r-rieda jagħmlu dan.”

Żied jgħid li “niskanta kif hadd ma tkellem dwar l-effett inflazzjonarju ta’ dawn il-miżuri, li jnaqqru l-poter tal-konsum tal-konsumaturi u l-kompetittivita’ tan-negozji.  Il-Gvern ħaseb fuq tal-ewwel bl-għotja tas-Super Bonus (allavolja l-injezzjoni ta’ €200 miljun daqqa fl-ekonomija se jkollha ukoll effett inflazzjonarju) u żieda oħra fil-pensjonijiet.”

L-eks Prim Ministru, qal ukoll li “minn naħa tal-intrapriżi, wieħed irid jara kif is-suq se jirreaġixxi.  Li hu żgur huwa li issa se jkun hemm aktar inċentiv għal awtomazzjoni u tħaddim tal-AI minflok nies.  Iżda hu ovvju li hemm setturi fejn din il-bidla għadha snin il-bogħod għax għad irrid nara AI jibdel il-ħrieqi jew iwaħħal il-madum. F’Ewropa b’irvellijiet minħabba l-prezzijiet tal-enerġija u fjuwils, il-Gvern serraħ ras il-familji u negozji b’sentenza waħda fil-baġit.  Il-kritika ta’ min hu geddumu fix-xgħir hi li messu jgħollihom.  Ara f’hiex ġejna. Nistenna bil-quddiem id-diskors tal-Prim Ministru li m’ għandix dubju li se jikkonferma li dan il-baġit kien checkmate politiku fuq l-Oppożizzjoni u l-aġenda falza tagħha.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport