Hija ħaġa komuni, jekk mhux ukoll drawwa, li f’pajjiżna jiġu kkummissjonati bosta studji u rapporti li mbagħad, wara li jitlestew, jitwarrbu fuq xi xkaffa u jitħallew jintlew bit-trab! Dan iżda ma jistax jingħad ukoll għall-Viżjoni Malta 2050, li ħareġ biha l-Gvern preżenti.
Wara l-elezzjoni ġenerali ta’ Mejju 2026, il-Prim Ministru nnifsu, Robert Abela, beda jaħdem minnufiħ u sejjaħ laqgħa mal-imsieħba soċjali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD). Matulha, il-Prim Ministru wiegħed lill-imsieħba soċjali li kull sitt xhur kien se jipprovdilhom aġġornamenti dwar il-progress li jkun sar fl-oqsma kollha tal-Viżjoni Malta 2050.
Minn dak li diġa sar, jidher li l-implimentazzjoni, kemm tal-Viżjoni Malta 2050, kif ukoll tal-Programm Elettorali u l-Miżuri tal-Baġit, jaqgħu taħt ir-responsabbilta ta’ Organisation Unit (OU) fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dan huwa wieħed mill-aspetti pożittivi billi se jiġi assigurat li d-dipartimenti kollha tal-gvern, kif ukoll l-entitajiet pubbliċi, l-awtoritajiet u l-aġenziji jagħtu prijorità u jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom fl-istess direzzjoni.
Biex titwettaq il-Viżjoni Malta 2050 u s-sett ta’ Key Performance Indicators (KPIs) għall-10 snin li ġejjin, hemm bżonn li d-dipartimenti ministerjali, l-entitajiet pubbliċi u l-aġenziji kollha jħejju il-Pjanijiet tagħhom b’appoġġ għall-KPIs rispettivi.
Dawn il-pjanijiet jeħtieġ li jiddefinixxu fid-dettall kif se jiġu implimentati u milħuqa u ladarba jiġu abbozzati, ikun jinħtieġ li l-pjanijiet jiġu approvati mill-ministeri rispettivi, l-OU fi ħdan l-l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u wkoll mill-Ministeru tal-Finanzi sabiex ir-riżorsi finanzjarji jiġu allokati fil-Baġits tas-snin li ġejjin.
Il-Viżjoni Malta 2050 m’għandhiex titqies bħala li hi ostaklu għal soluzzjonijiet ‘short term’ li jeħtieġu attenzjoni immedjata. Bħal pereżempju il-problema tat-traffiku. Hemm diversi miżuri għal żmien mhux fit-tul li jistgħu jiġu użati biex jillimitaw il-volum tat-traffiku waqt ċertu ħinijiet fosthom:
• l-ippjanar tal-ġbir tal-iskart biex dan isir qabel jew wara l-ħinijiet li t-traffiku jkun fl-aqwa tiegħu.
• l-ippjanar għat-tqassim u l-ġarr tal-provvisti biex isir qabel jew wara l-ħinijiet l-iktar traffikużi.
• il-ġenituri jiġu nkoraġġiti aktar biex jagħmlu użu mit-trasport bla ħlas lejn l-iskejjel.
• aktar ħaddiema, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fil-privat, jiġu nċentivati biex fejn hu possibbli, jaħdmu mid-dar.
Mill-bqija, il-produttività tal-impjegati m’għandhiex tkun problema jekk jiġi implimentat sistema ta’ ‘performance management’ f’kull entità, kemm pubblika kif ukoll privata.
Dawn li qed insemmi huma biss ftit eżempji ta’ kif tista’ tittaffa l-konġestjoni tat-traffiku waqt il-ħinijiet l-aktar impenjattivi tal-ġurnata, sakemm tiġi implimentata l-Istrateġija Nazzjonali tat-Trasport 2050 fl-intier tagħha – Malta in Motion – li hija maħsuba għat-tul.
Għan ieħor ewlieni tal-Viżjoni Malta 2050 huwa li jiġi rfinut il-mudell ekonomiku b’enfasi fuq attivitajiet ta’ valur miżjud li ma jiddependux wisq fuq ħafna ħaddiema.
Jekk nieħdu s-settur tat-turiżmu bħala eżempju, l-attenzjoni għandha tkun aktar iffukata fuq li nressqu lejna turisti ta’ kwalità b’potenzjal akbar ta’ nfiq. Pajjiżna għandu ħafna x’joffri f’dan il-qasam minbarra x-xemx, il-baħar u l-ospitalita tan-nies.
Biex dan iseħħ, iżda, huwa essenzjali li nibdew intejbu l-prodott turistiku tagħna, nistabbilixxu livelli ogħla ta’ standards għas-settur kollu u niżguraw li dawn l-istandards jiġu infurzati. Livelli ogħla ta’ standards iwasslu għal turiżmu ta’ kwalità aħjar b’potenzjal akbar ta’ dħul għall-pajjiż.
Benefiċċju ieħor għaliex wieħed għandu jiffoka aktar fuq turiżmu ta’ kwalità huwa dak li titnaqqas il-pressjoni fuq ir-riżorsi, bħall-infrastruttura, b’mod ġenerali u fl-istess ħin inqas dipendenza fuq kemm hemm bżonn ħaddiema. Dan huwa wkoll mod kif nistgħu nibdew nimmaniġġjaw id-dipendenza fuq ħaddiema barranin mingħajr ma ssir ħsara lill-ekonomija.
U ladarba qed insemmu l-ħaddiema barranin, huwa kruċjali li dawn ikunu trattati ta’ nies. Ħaddiema barranin li daħlu f’pajjiżna legalment u li għandhom appell pendenti dwar l-impjieg tagħhom għandhom jitħallew jaħdmu sakemm jinstema’ u jinqata l-appell tagħhom.
Dan huwa mod kif inkunu ġusti magħhom u fl-istess waqt pajjiżna jibbenefika wkoll b’diversi modi, fosthom billi ma nġibux iktar ħaddiema barranin u wkoll billi dawn il-ħaddiema jibqgħu jħallsu t-taxxa u l-bolla. Sfortunatament, f’xi setturi tas-suq fl-ekonomija nazzjonali laħqu punt li hemm wisq operaturi. F’dan il-każ, ir-riskju huwa li jekk inħallu aktar operaturi jidħlu fis-suq, l-istandards jonqsu u jitbaxxew.
Għaliex, x’sens jagħmel, pereżempju, li jkollna aktar supermarkets – f’xi każijiet saħansitra qrib xulxin – bħallikieku l-fatt li jkun hemm aktar supermarkets se jwassal biex in-nies jonfqu aktar.
Hawnhekk ukoll neħtieġu politika ċara li tillimita l-ftuħ ta’ supermarkets ġodda, simili għal dik li għandna għall-ftuħ ta’ spiżeriji ġodda. Politika bħal din għandha wkoll tgħin sabiex il-ħwienet tal-merċa żgħar li nsibu mxerdin f’ħafna lokalitajiet, jibqgħu attivi u kompetittivi.
Hemm setturi oħra tal-ekonomija li wkoll laħqu l-limitu tagħhom u qed jaraw il-kompetittività tagħhom tonqos. Dan huwa attribwit għal diversi raġunijiet, bħal pereżempju l-kapaċità żejda li tirriżulta minn nuqqas ta’ regolamentazzjoni u standards baxxi biex jidħlu fis-suq.
L-għoli tal-istandards huwa mod kif titjieb il-kwalità tal-prodott u tas-servizz u b’hekk isir aktar kompetittiv u kapaċi jġib prezz aħjar. Din l-istrateġija tista’ tiġi adottata f’diversi setturi tal-ekonomija u hija wkoll konformi mal-għanijiet ta’ Vision Malta 2050 – jiġifieri l-evuluzzjoni tal-mudell ekonomiku tagħna, fejn u meta jkun meħtieġ.
Fir-rigward regolamentazzjoni tas-suq, hemm min jargumenta li jekk tħalli s-suq jirregola lilu nnifsu tirrenja l-liġi tal-ġungla!
U proprju huwa għalhekk li t-tisħiħ tal-istandards, tar-regolamentazzjoni u tal-infurzar huma kruċjali speċjalment għal suq ċkejken bħalma huwa tagħna, biex ma jkollniex il-liġi tal-ġungla.
