Thursday, September 3, 2026
Home Sport Malta fl-edizzjoni tal-I.C.C. tas-snooker li se ssir fl-Irlanda

Malta fl-edizzjoni tal-I.C.C. tas-snooker li se ssir fl-Irlanda

0
46

Kontinġent Malti ta’ plejers amateur tas-snooker l-Erbgħa wasal Youghal, fir-Repubblika Irlandiża, biex jieħu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-International Challenge Cup. Din ser tkun ir-raba’ sena konsekuttiva li Malta ser tieħu sehem f’din il-kompetizzjoni fejn fit-tliet snin preċedenti Malta dejjem kellha riżultati sodisfaċenti, it-tielet fl-Iskozja fl-2023, it-tieni f’Malta stess fl-2024 filwaqt li s-sena l-oħra, fi Franza, ġejna klassifikati fit-tielet.

Flimkien ma’ Malta f’dan it-tournament, bħat-tliet snin preċedenti, ser jieħdu sehem Franza, l-Iskozja, ir-Repubblika Irlandiża u l-Irlanda ta’ Fuq. Din ser tkun ir-raba’ darba min kemm ilha li bdiet din il-kompetizzjoni, fl-2014, li din il-kompetizzjoni ser tiġi organizzata f’Youghal u l-ħames darba f’dan il-pajjiż. Ir-Repubblika tal- Irlandiża rebħu kull edizzjoni li ospitaw kif ukoll l-aktar li rebħu edizzjonijiet, tmienja minn tlettax.

Din l-International Challenge Cup tintrebaħ mill-pajjiż li jkun rebaħ l-akbar numru ta’ frames u kull pajjiż irid jilgħab kontra xulxin fi tliet kategoriji differenti, tal-Irġiel, tal-Masters u l-Juniors.

It-tim Malti ser ikun kompost minn disa’ plejers. Chris Peplow, Alex Borg, Joseph Casha u John Farrugia ser jilgħabu fil-kategorija tal-irġiel filwaqt li Frans Mintoff, Philip Ciantar, Ivan Attard u Manuel Mallia ser jieħdu sehem fid-diviżjoni tal-Masters. Xavier Rizzo huwa r-rappreżentant Malti li se jilgħab fil-kategorija tal-Juniors.

L-ewwel impenji għall-plejers Maltin jibdew l-Ħamis filgħodu kontra l-Iskozja filwaqt li aktar tard filgħaxija, Malta tilgħab kontra Franza. Il-Ġimgħa, Malta tilgħab kontra l-Irlanda ta’ Fuq filgħodu u kontra r-Repubblika Irlandiża wara nofsinhar. Din l-logħba li hija ppjanata li ser tagħlaq ta’ din l-edizzjoni tal-I.C.C.

Il-President tal-Malta Billiards & Snooker Association, Ivan Brincat flimkien ma’ Richard Sheridan qed imexxu d-delegazzjoni Maltija. Mal-kontinġent Malti hemm ukoll Charles Vella ser ikun wieħed mir-referees ta’ din l-edizzjoni.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here