Bejn il-11 u t-13 ta’ Settembru li ġej fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa se ssir edizzjoni oħra tal-Urban Sports Festival bil-parteċipazzjoni ta’ atleti Maltin u atleti minn sitt pajjiżi barranin.
Dan tħabbar mill-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Omar Farrugia meta kien qed iniedi dan il-Festival li matulu se jsiru kompetizzjonijiet għal atleti li jipprattikaw il-BMX, skateboarding, scooter, roller skating, parkour, breaking, panna football u 3×3 basketball.
Minbarra l-atleti Maltin fil-Festival se jipparteċipaw ukoll atleti oħra ġejjin mill-Greċja, l-Kolumbja, il-Latvja, l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Ġermanja u Franza.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Farrugia qal li l-Urban Sports Festival se jkun, “okkażjoni matul il-weekend fejn il-familji jistgħu jiġu fl-iskatepark mill-isbaħ ta’ Birżebbuġa fejn it-tfal u ż-żgħażagħ jikkompetu f’dixxiplini sportivi differenti f’atmosfera attraenti għall-familja kollha. Inħares ’il quddiem biex iż-żgħażagħ jingħataw dawn l-ispazji mistħoqqa lilhom fejn il-benesseri tagħhom titjieb ma’ kull ġurnata illi tgħaddi.”
Tkellmet ukoll il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca, Fundatriċi u Executive Chairperson ta’ The Malta Trust Foundation, li laqgħet b’sodisfazzjon din l-inizjattiva annwali, fl-Iskatepark ta’ Birżebbuġa, mibni minn The Malta Trust Foundation. “Huwa ta’ sodisfazzjoni għaliex inizjattiva bħal din tpoġġi liż-żgħażagħ fiċ-ċentru tal-ħidma nazzjonali għall-wellbeing u l-iżvilupp tagħhom.” Hija qalet li l-isport għandu poter uniku li jgħaqqad lin-nies, jibni l-kunfidenza, isaħħaħ il-ħiliet soċjali u jippromwovi saħħa fiżika u mentali pożittiva.
Dr Coleiro Preca enfasizzat li festivals bħal dan mhux biss joffru pjattaforma għall-atleti biex juru t-talenti tagħhom, iżda joħolqu wkoll spazji siguri u inklużivi fejn iż-żgħażagħ jistgħu jesprimu ruħhom, jibnu relazzjonijiet pożittivi u jiżviluppaw sens akbar ta’ appartenenza fil-komunità tagħhom.
“Meta ninvestu fiż-żgħażagħ tagħna permezz tal-isport, inkunu qegħdin ninvestu f’soċjetà aktar b’saħħitha, aktar reżiljenti u aktar inklużiva. L-Urban Sports Festival huwa eżempju ċar ta’ kif il-passjoni, it-talent u l-parteċipazzjoni attiva jistgħu jwasslu għal opportunitajiet ġodda u għal futur aħjar għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri,” qalet Dr Coleiro Preca.
Hija rringrazzjat lill-Ministeru, lill-organizzaturi u lill-entitajiet kollha involuti għall-impenn tagħhom favur inizjattivi li jħeġġu stil ta’ ħajja attiv, il-wellbeing, u l-inklużjoni soċjali fost iż-żgħażagħ f’Malta u Għawdex.
Min-naħa tieħu, il-President tal-Malta Streets Sports Alliance Karl Naja spjega kif dan il-festival se jkun magħmul minn kompetizzjonijiet varji, kemm dawk għal kompetituri iżjed ġodda kif ukoll dawk iżjed avvanzati. Naja qal ukoll kif is-Sibt ser jikkompetu wkoll kompetituri barranin li se jkomplu jelevaw il-livell tal-festival filwaqt li anke jipprovdu għajnuna biex kompetituri Maltin ikunu jistgħu jgħollu l-livell tagħhom. Huwa kompla billi qal kif il-Ħadd 13 ta’ Settembru, it-tfal jistgħu jippruvaw xi sports ma’ coaches professjonali u jistgħu jagħmlu dan billi jirreġistraw fuq mssa.mt.
L-attività ser tkun miftuħa għall-familja kollha, bla ħlas, fejn se jkun hemm żoni għat-tfal kif ukoll animators fiż-żona tant pittoreska tal-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa.


