Il-Prim Ministru Robert Abela żar l-iskavar arkeoloġiku li għaddej f’Ta’ Latnija, fil-Mellieħa. Fuq dan is-sit instabet parti mill-istorja ta’ pajjiżna li ħadd qatt ma kien jaf biha qabel u li fil-fatt tieħu l-preżenza tal-bniedem f’Malta 1,000 sena qabel dak mifhum u maqbul preċedentament. Dr Abela nnota l-interess qawwi li qed jattira dan il-post, bis-Sovratendenza tal-Wirt Kulturali (SCH) tgħid illi bħalissa n-National Geographic qed iħejju servizz dwar is-sejbiet importanti fil-Mellieħa.
Dan apparti li qed jiġu f’pajjiżna wkoll diversi xjentisti internazzjonali biex jevalwaw din is-sejba kruċjali.
Apparti minn hekk il-proġett li għaddej fil-Latnija huwa uniku għax qed jibni mill-ġdid 300,000 sena ta’ storja klimatika dwar Malta, li se jgħin biex nifhmu l-bidla fil-klima u l-impatt tagħha.
Il-Professur Eleanor Scerri spjegat kif dan l-istudju qed igawdi minn miljuni f’fondi Ewropej. Dan apparti li qed joħloq diversi opportunitajiet ta’ impjieg għal xjentisti u persuni oħra li jaħdmu f’dan is-settur. Il-Professur Scerri spjegat kif dan is-sit qed iservi wkoll ta’ opportunità għal studenti Maltin li qed imorru fil-Latnija u jsegwu huma wkoll l-iskavar u l-istudji.
Il-Prim Ministru faħħar ix-xogħol imprezzabbli li qed isir mit-tim ta’ arkeologi. “Proprju f’dan is-sit qed terġa’ tinkiteb l-istorja ta’ Malta u dak li konna nemmnu sa ftit żmien ilu issa ġie sfidat permezz ta’ din is-sejba fenomenali u ta’ valur storiku kbir”, kompla jgħid Dr Abela.
Waqt li l-Prim Ministru kien qed jiddawwar mas-sit, akkumpanjat mill-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea kien spjegat kif l-importanza ta’ din is-sejba tmur lil hinn mill-preżenza tal-bniedem f’Malta. Dan għax tbiddel il-kunsens storiku illi kaċċaturi, eluf ta’ snin ilu, ma kellhomx il-mezzi biex jivvjaġġaw bil-baħar. Fil-fatt minn din is-sejba qed jirriżulta li fil-perjodu Mesolitiku, soċjetajiet sħaħ kienu qed jivvjaġġaw fl-ibħra għal distanza ta’ mill-inqas 100km.
Dr Abela nnota li siti bħal dawn għandhom il-potenzjal li jkunu nominati biex ikunu Siti ta’ Wirt Dinji. Il-Prim Ministru temm jappoġġja ix-xogħol siewi tas-Sovratendenza għall-Wirt Kulturali li għaddejja bil-ħidma fil-Latnija u wiegħed l-appoġġ kontinwu tal-Gvern biex il-wirt storiku jibqa’ jkun salvagwardjat.
Il-Ministru Malcolm Paul Agius Galea qal, “Dan l-iżvilupp importanti se jkompli jżid mar-rikkezza tal-istorja ta’ Malta, storja li narawha madwarna f’ħafna postijiet, jekk hux it-tempji f’Ħal Tarxien, l-Ipoġew, jekk hux l-Imdina, il-Kottonera, il-Belt Valletta, il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann jew inkella l-katakombi fir-Rabat. Minn Birżebbuġa sa San Lawrenz f’Għawdex, l-istorja tinsab kullimkien, u b’din is-sejba qed inkomplu nassiguraw li l-wirt storiku ta’ pajjiżna jkun aktar sinjur.”
Is-Supretendent tal-SCH Kurt Farrugia nnota kif ix-xogħol xjentifiku li qed isir fil-post qed jipprovdi wkoll l-ewwel informazzjoni dwar ir-reżiljenza tal-ekosistema f’Malta matul dak il-perjodu.


