Saturday, December 21, 2024

Malta fl-ewwel post fl-eGovernment minn 36 pajjiż Ewropew

Aqra wkoll

Malta ġiet ikkonfermata bħala l-aqwa fl-Ewropa fuq servizzi ta’ eGovernment. Malta kisbet l-ewwel post b’medja ta’ 96%, segwita mill-Estonja (92%). Dan ħareġ mir-rapport ‘eGovernment Benchmark Reports 2021’ maħruġ illum mill-Kummissjoni Ewropea li fiha janalizza servizzi governattivi online ta’ 36 pajjiż Ewropew.

Is-Servizz Pubbliku Malti kklassifika fl-ewwel post ta’ dan l-istudju wara li ġie l-ewwel fil-kriterji kollha ta’ dan l-eżerċizzju.

Malta kklassifikat l-ewwel fil-kriterju tal-User Centricity, li tindika l-kwalità tad-diżinn tas-servizz u l-faċilità li bih jintuża mill-klijenti, anke fuq il-mobile. F’dan l-aspett is-Servizz Pubbliku Malti ġie l-ewwel b’rata ta’ 99%, li jfisser 11% aktar mill-medja Ewropea.

Fil-kriterju tat-trasparenza fis-servizzi mogħtija, Malta ġiet l-ewwel ġiet l-ewwel b’rata ta’ 98%, filwaqt li l-medja Ewropea kienet ta’ 64%.

Malta kklassifikat l-ewwel ukoll fil-kriterju ta’ ‘Key Enablers’, li jinkorpora elementi tekniċi meqjusa importanti għat-twassil tas-servizzi governattivi online. F’dan l-aspett Malta kisbet 98%, bil-medja Ewropea tkun 61%.

Fil-kriterju ta’ ‘Cross Border Services’, li tindika l-aċċessibiltà tas-servizzi minn pajjiżi oħra, is-Servizz Pubbliku Malti għal darb’ oħra ġie fl-ewwel post b’rata ta’ 90%. Dan ifisser rata ta’ 35% ogħla mill-medja Ewropea.

Fl-2020 u fis-snin ta’ qabel Malta wkoll kienet kisbet l-ewwel post. B’hekk dan ir-riżultat jirrikonoxxi għal darb’oħra lis-Servizz Pubbliku bħala leader fl-eGovernment mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mill-pajjiżi tal-Iżlanda, l-Iżvizzera, in-Norveġja, ir-Renju Unit, Albania, Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, Serbja u t-Turkija.

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Malti Mario Cutajar qal li dan ir-riżultat hu ċertifikat tal-ħidma li saret fl-aħħar snin, b’investiment ta’ €200 miljun fit-teknoloġija bħala parti mill-proċess ta’ tiġdid bla preċedent li sar biex is-Servizzi Pubbliċi jsiru aċċessibbli minn kulħadd u kullimkien. Dan sar bil-ħtiġijiet tal-klijent fiċ-ċentru ta’ kull ħidma, u r-riżultat tal-lum jikkonferma dan. Is-Sur Cutajar sostna li hija sfida li tibqa’ żżomm l-ewwel post sena wara oħra, b’Malta tibqa’ tagħmel dan quddiem pajjiżi meqjusa ġganti f’dan il-qasam bħall-Estonja u l-Awstrija.

Ir-rapport ‘eGovernment Benchmark 2021’ hu disponibbli mis-sit:  https://digital-strategy.ec.europa.eu/news-redirect/724214.

Ekonomija

Sport