Thursday, November 19, 2026
Home Sport Malta Junior Snooker Invitational 2026: L-ewwel edizzjoni ta’ Kampjonat Internazzjonali tal-Juniors f’Malta

Malta Junior Snooker Invitational 2026: L-ewwel edizzjoni ta’ Kampjonat Internazzjonali tal-Juniors f’Malta

0
27

L-Akkademja Maltija tas-Snooker, fil-Ħamrun, se tkun impenjata għal erbat ijiem konsekuttivi ta’ logħob waqt il-Malta Junior Snooker Invitational 2026, kampjonat internazzjonali li qed jiġi organizzat għall-ewwel darba f’pajjiżna. Għal din l-edizzjoni se jieħdu sehem żgħażagħ minn seba’ pajjiżi Ewropej, inkluż Malta.

Dan il-kampjonat sar possibbli grazzi għal kollaborazzjoni u ħidma li ilha għaddejja bejn il-Malta Billiards and Snooker Association, immexxija mill-president Ivan Brincat, u s-Snooker Centre tal-Pollakk Przemek Kruk, li jmexxi wkoll akkademja ewlenija tas-snooker fil-kapitali Pollakka Varsavja. SportMalta hija l-isponsor ewlieni ta’ din l-attività.

Il-qofol tal-kampjonat se jkun il-kompetizzjoni tat-timijiet, li għaliha se jieħdu sehem 12-il tim minn seba’ pajjiżi. Malta se tkun rappreżentata minn żewġ timijiet, filwaqt li l-Polonja se jkollha tliet timijiet minn Snookerowy Klub Sportowy. L-Ingilterra se tkun rappreżentata minn żewġ timijiet ta’ Q Bar-Walsall Wood u tim ieħor minn Chandlers Ford Snooker Club. Il-parteċipanti l-oħra se jkunu tim Irlandiż minn Snooker Billiards, tim mill-Academia de Snooker tal-Moldova, tim Ungeriż minn Bekk Snooker Iskola u tim Olandiż minn Snooker Vereniging ta’ Utrecht.

It-12-il tim ġew maqsuma f’erba’ gruppi, bir-rebbieħa ta’ kull grupp jikkwalifikaw għall-fażi finali. Fl-aħħar jum tal-kompetizzjoni, il-Ħadd, jintlagħbu s-semifinali u l-finali biex jiġi deċiż ir-rebbieħ tal-ewwel edizzjoni.

Kull tim se jkun magħmul minn erba’ plejers, wieħed għal kull kategorija tal-età: taħt il-21 sena, taħt it-18-il sena, taħt is-16-il sena u taħt l-14-il sena. Il-plejers ta’ kull kategorija se jiltaqgħu kontra l-avversarji rispettivi tagħhom f’format ta’ handicap, b’kull partita tikkonsisti f’żewġ frames biss.

B’din is-sistema, kull konfront bejn żewġ timijiet se jkun magħmul minn 16-il partita, li jfisser total ta’ 32 frame. It-tim li jirbaħ l-akbar ammont ta’ frames fil-grupp tiegħu jikkwalifika għas-semifinali.

Iż-żewġ timijiet Maltin se jkunu komposti minn plejers żgħażagħ li qed jitħarrġu fl-Akkademja Maltija tas-Snooker. Malta Snooker Academy A se tkun irrappreżentata minn Xavier Rizzo fil-kategorija ta’ taħt il-21 sena, Jake Castaldi f’dik ta’ taħt it-18-il sena, Caiden Casha f’dik ta’ taħt is-16-il sena u Adam Pace f’dik ta’ taħt l-14-il sena.

Min-naħa l-oħra, Malta Snooker Academy B se jkollha lil Dante Pace fil-kategorija ta’ taħt il-21 sena, Andrei Cini f’dik ta’ taħt it-18-il sena, Gregory Cachia f’dik ta’ taħt is-16-il sena u Gabriel Farrugia f’dik ta’ taħt l-14-il sena.

Minbarra l-kompetizzjoni tat-timijiet, se jsiru wkoll tliet kompetizzjonijiet individwali għall-kategoriji ta’ taħt is-16-il sena, taħt l-14-il sena u taħt it-12-il sena.

L-iżgħar parteċipant f’dan il-kampjonat se jkun iż-żagħżugħ Ungeriż Oliver Efros, li għandu biss disa’ snin

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here