Sunday, May 5, 2024

Malta kkundannat l-attakki barbari mill-Hamas kontra l-Iżrael

... tenniet l-appoġġ tagħha għal soluzzjoni ta’ Żewġ Stati f’konformità mar-riżoluzzjonijiet tal-UNSC

Aqra wkoll

Waqt il-Laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li saret illum fil-Lussemburgu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg tenna l-kundanna ta’ Malta tal-attakki reċenti tal-Hamas kontra l-Iżrael filwaqt li enfasizza d-dritt tal-Iżrael għas-sigurtà u l-awtodifiża b’rispett sħiħ għal-liġi internazzjonali.

Il-Ministru Borg appella wkoll għall-ħelsien immedjat tal-ostaġġi kollha u għall-kunsinna b’mod spedjenti ta’ għajnuna umanitarja lill-Palestinjani f’Gaża sabiex tiġi evitata katastrofi umanitarja u tixrid reġjonali tal-kunflitt. Meta indirizza l-iskala tal-katastrofi umana f’Gaża, il-Ministru Borg laqa’ t-triplikar tal-għajnuna umanitarja tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea u informa li Malta rdoppjat ukoll l-għajnuna tagħha lill-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA).

Il-Ministru Borg ħeġġeġ lill-UE sabiex tibqa’ magħquda u ma titlifx il-perspettiva politika għar-reġjun. Huwa rrimarka li l-unika triq vijabbli lejn il-paċi fil-Lvant Nofsani għadha ċara, b’riżoluzzjoni ġusta u komprensiva bbażata fuq Soluzzjoni ta’ Żewġ Stati f’konformità mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-UNSC. Il-Ministru Borg tenna li Malta se tkun qed tkompli bl-impenn tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda dwar din il-materja tant importanti.

Dwar l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Ministru Borg tenna l-appoġġ ta’ Malta għal ftehim ta’ paċi ġust, komprensiv, stabbli u dejjiemi bbażat fuq il-pjan ta’ paċi bbażat fuq 10 punti tal-President Zelenskyy. Dwar il-Pjan ta’ Paċi, il-Ministru Borg informa wkoll lill-kontropartijiet tiegħu li Malta se tospita t-tielet laqgħa tal-esperti tas-sigurtà nazzjonali fit-28 u d-29 ta’ Ottubru, 2023, u ħeġġeġ lill-kollegi biex jiżguraw li l-istati membri tal-UE jkunu rappreżentati fuq livell xieraq.

Sport