Il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-appoġġ ta’ Malta għas-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, waqt li pparteċipa fis-Sitt Summit tal-International Crimea Platform fi New York.
Fl-intervent tiegħu, Dr Abela sostna li Malta tibqa’ tikkundanna l-okkupazzjoni tal-Krimea mir-Russja u tenna l-pożizzjoni li azzjonijiet li jmorru kontra s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Istati jiksru l-prinċipji fundamentali taċ-Charter tan-Nazzjonijiet Uniti.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni tal-persuni li jgħixu f’territorji okkupati u dwar it-trasferiment u d-deportazzjoni illegali ta’ tfal Ukreni. Huwa saħaq li kull tifel u tifla li ttieħdu b’mod illegali għandhom jingħataw lura, filwaqt li tenna l-importanza tar-responsabbiltà għal ksur tad-dritt internazzjonali.
“Il-ġustizzja għall-vittmi u r-responsabbiltà għal min jikser id-dritt internazzjonali huma essenzjali biex nibnu paċi dejjiema,” sostna Dr Abela.
Huwa tenna li Malta se tkompli tappoġġja l-ħidma tal-qrati, tribunali u mekkaniżmi internazzjonali ta’ responsabbiltà, filwaqt li saħaq li paċi dejjiema trid tkun imsejsa fuq il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u r-rispett lejn is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Istati.
Il-Prim Ministru sostna li, f’mument ta’ tensjonijiet u kunflitti internazzjonali, il-komunità internazzjonali għandha tibqa’ soda fid-difiża tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali u taċ-Charter tan-Nazzjonijiet Uniti.
Dr Abela temm billi tenna l-impenn ta’ Malta li tkompli taħdem flimkien mas-sħab internazzjonali tagħha favur paċi ġusta u dejjiema, ibbażata fuq ir-rispett lejn is-sovranità, l-integrità territorjali u d-dritt internazzjonali.
