Minn Cristian Muscat
MOSTA……………… 1
BIRKIRKARA…….. 0
Mosta komplew jikkonfermaw il-qawwa tagħhom u komplew juru li l-ewwel żewġ rebħiet li kisbu kontra Hamrun Spartans u Balzan tabilħaqq ma waslux b’kumbinazzjoni.
Dan hekk kif permezz ta’ wirja qalbiena għelbu lil Birkirkara bl-iskor minimu ta’ 1-0, biex wara żewġ rebħiet konskeuttivi, ikkundannaw lill-Istripes għall-ewwel telfa ta’ dan il-kampjonat … u huma l-uniku team b’punti massimi.
Madankollu, ta’ min ifaħħar ukoll il-wirja ta’ Birkirkara li ħolqu diversi okkażjonijiet ta’ skor speċjalment fit-tieni taqsima, iżda naqsu milli jisfruttawhom.
Kienu Birkirkara li ħolqu l-ewwel periklu wara biss żewġ minuti meta Franklin Sasere dar tajjeb ma’ difensur avversarju qabel kellu x-xutt minn pożizzjoni ideali jintemm ftit barra.
Mosta wieġbu fit-tmien minuta meta Pinheiro Diniz avvanza tajjeb fil-kaxxa u pprova jqabbeż il-ballun minn fuq il-goalkeeper debuttant ta’ Birkirkara, Fabrice Ondoa, iżda dan tal-aħħar kien attent u salva tajjeb.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fl-14-il minuta Ernest Agyir ittanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza, li iżda, intemm ftit għoli.
Fl-24 minuta, Birkirkara reġgħu ħolqu l-periklu permezz ta’ free-kick insidjuż ta’ Fernandinho li għadda jħakkek mal-mimduda.
Iżda, fil-31 minuta, kienu Mosta li kontra x-xejra tal-logħob fetħu l-iskor meta ERNEST AGYIRI kien fil-post it-tajjeb u fil-mument opportun u b’intuwizzjoni kbira għall-goal permezz ta’ xutt fil-baxx ma ħafirx.
Il-pressjoni kienet kollha fuq Birkirkara u fil-ftuħ tat-tieni taqsima ħarġu ferm aggressivi u fil-55 minuta Aleandro Garzia kellu x-xutt tiegħu mill-viċin li ntemm ftit barra.
Huma komplew jippressaw u żewġ minuti biss wara Fernandino kellu x-xutt fil-baxx minn qagħda ideali li ġie salvat minn mal-art mill-goalkeeper ta’ Mosta, David Udoh Akpan.
Mas-siegħa logħob, l-Istripes reġgħu ħolqu l-periklu meta Junior De Souza li kellu l-ħin kollu għad-dispożizzjoni tiegħu hekk kif kien żmarkat għal kollox kellu x-xutt tiegħu eżatt minn tarf il-kaxxa jintemm għoli.
Mosta: David Udoh Akpan, Nevin Portelli (Geoffrey Edwin Achempong 58), Giancarlo Goncalves (Oscar Kenechi 75), Kurt Zammit, Ernest Agyiri (Emmanuel Ugwu), Prince Afriyie, Charles Oderinde, Nathan Cross, Pedro Da Silva Barbosa (Samuel Vassallo 91), Thiago Espindola, Diniz Pinheirio (Peter Ohaka 58) – Coach: Joseph Grech
Birkirkara: Fabrice Ondoa, Bernardo Frazan, Jefferson Vinicius (Pablo Gabriel Sousa 64), Zach Muscat, Franklin Sasere, Jake Vassallo (Jan Busuttil 75), Aleandro Garzia (Neil Micallef 75), Aleksander Dordevic (Louis Pahama 64), Fernandinho (Keith Shaft Brewer Jr 64), Daniel Ribeiro, Junior De Souza Coach – Coach: Paul Zammit
Referee: Glen Tonna
assistenti: Mitchell Scerri, Slawomir Olucha
Raba’ Uff.: Joseph Scerri
Skorer: E. Agyiri 31 (M)
Ammoniti: K. Zammit, P. Afriyie, P. Ohaka (M)
Player tal-Logħba: Nathan Cross (Mosta)




