Wednesday, April 24, 2024

MALTA RISPETTATA INTERNAZZJONALMENT

Aqra wkoll

Ir-riżultati li kisbet Malta f’dawn l-aħħar ġimgħat komplew ikabbru u jsaħħu r-reputazzjoni internazzjonali ta’ pajjiżna. Dan juri li l-komunità internazzjonali qiegħda tirrikonoxxi dak li għamlet u li għadha qiegħda tagħmel Malta bil-għan li tinkiseb il-paċi universali.

Ir-riżoluzzjoni Maltija li ġiet adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà dwar il-Ġnus Magħquda tixhed il-fiduċja li qed tgawdi Malta kif ukoll hi pass fid-direzzjoni t-tajba l-ħidma li qed isir biex jiġu salvati l-ħajjiet tal-popli ċivili, partikolarment in-nisa u t-tfal.

Il-fiduċja f’Malta kompliet tissaħħaħ wara li ġiet avviċinata biex għas-sena d-dieħla tippresjedi l-Organizzazzjoni tas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE). Din il-kariga hekk prestiġġjuża ma talbithiex Malta imma waqgħet fuqha minħabba li tat kemm-il prova li minkejja ċ-ċokon ġeografiku kapaċi tmexxi istituzzjonijiet dinjin.

Din il-fiduċja kompliet tiġi kkonfermata meta f’dawn l-aħħar jiem pajjiżna ġie elett fit-tieni post mill-176 pajjiż li jiffurmaw l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO). Dan kien ukoll l-aħjar riżultat li qatt kisbet f’Malta kemm ilha membru tal-IMO.

Għalhekk, ikollna nistqarru li sikwit ikollna nagħmlu sforz li nisimgħu dak li jingħad minn xi membri tal-Partit Nazzjonalista u iktar u iktar ikollna nitħabtu biex naraw jekk diskorsi bħal dawn jagħmlux sens u jkunux veritiera.

F’dan il-kuntest, ċertu dikjarazzjonijiet huma inkredibbli. Bħalma sikwit jingħad li l-Gvern kisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fl-isfera internazzjonali. Ir-riżultati li kisbet Malta f’dawn l-aħħar jiem kemm fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, fl-OSCE u issa fl-IMO jikkontradixxu bil-qawwi dak li jgħidu l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista.

Dan huwa sintomu ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista ma jistax jimxi ‘l quddiem jekk jibqa’ jlissen argumenti li ma jagħmlux sens u li fl-istess ħin il-fatti juru xorta oħra.

Aħna aktar nemmnu f’dak li qal il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej Ian Borg illi tilqa’ dawn l-irwoli b’ottimiżmu u f’dan iż-żmien li qed ngħixu fih, l-irwol partikolarment tal-OSCE huwa rilevanti u aktar importanti minn qatt qabel.

Il-vot unanimu fl-għażla ta’ Malta jirrifletti wkoll l-ambizzjoni kollettiva biex l-OSCE tibqa’ organizzazzjoni b’saħħitha.

Sport